BOV Premier League 2021/22
Gudja United kisbu l-ewwel punt fil-kampjonat, it-tielet draw konsekuttiv għal Sta Lucia

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/22

Gudja United ……..2

Santa Lucia……….. 2

Gudja United kisbu l-ewwel punt fil-kampjonat wara partita ferm missielta. Fl-ewwel taqsima Santa Lucia kienu ferm kunfidenti fil-grawnd u wara biss tlett minuti Souza minn freekick poġġa f’diffikulta’ lill-gowlkeeper Żammit ta’ Gudja United. Żewġ minuti wara attakk ieħor minn Santa Lucia u din id-darba Plut bir-ras tefa’ l-ballun ftit għoli fuq il-minduda. Wara tmien minuti ħarba tajba għal Abdul ta’ Gudja United iżda l-ballun ħabat ma’ idejh u r-referee, Trustin Farrugia Cann, saffar il-handsball. Fit-tnax il-minuta il-gowlkeeper ta’ Santa Lucia Archibald naqas milli jikkontrolla xutt mill-bogħod ta’ Abdul, liema azzjoni wasslet għall-gowl ta’ Gudja United hekk kif Dudarev minn korner dawwar bir-ras għal ġox-xibka. Wara l-gowl Santa Lucia kienu aktar kawti u Gudja United ippruvaw itellgħu aktar attakki. Fis-sitta u għoxrin minuta, Prates Rodrigues ta’ Santa Lucia, ingħata l-karta s-safra fuq azzjoni rregolari. Wara nofs siegħa logħob Dias Marcelo ta’ Gudja United, jingħata l-karta safra fuq azzjoni rregolari. Wara tlieta u erbgħin minuta logħob Tabone ta’ Gudja kellu jħalli l-grawnd wara li weġġa’ u minfloku daħal jilgħab Grech. Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, d-difensur ta’ Gudja wettaq azzjoni rregolari fuq l-attakkant Filho u r-referee saffar il-penalty għal Santa Lucia. Il-penalty ingħata mill-keptin tat-tim, Souza, li ma falliex u b’hekk iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu bir-riżultat ta’ wieħed b’wieħed.

Fit-tieni taqsima ż-żewġ timijiet ħarġu aktar agressivi u determinati li jiksbu rebħa minn dan il-konfront. Wara minuta logħob Pulis ta’ Santa Lucia ngħata l-karta safra wara azzjoni rregolari. Fit-tlieta u ħamsin minuta Pankarican ta’ Gudja United skurja t-tieni gowl dirett minn korner. Minn wara l-gowl Gudja United deheru aktar kunfidenti fil-grawnd u Santa Lucia ppruvaw jagħmlu minn kollox fit-tama li jdawwru r-riżultat. Fis-sebgħa u sittin minuta logħob il-kowċ ta’ Santa Lucia, Oliver Spiteri wettaq sostituzzjoni doppja billi ħareġ mill-partita lil Pulis u Plut u minflokhom daħħal lil Conti u Xuereb. Wara tmien minuti Spiteri lagħab karta oħra u daħħal fil-partita lil Carbone minflok Zerafa. Fid-disgħa u sebgħin minuta Souza ġab id-draw għal Santa Lucia b’xutt mill-viċin wara li rċieva ballun tajjeb ferm fil-kaxxa. Tmein minuti qabel tmiem il-partita, azzjoni rregolari ta’ Abdul ta’ Gudja United fil-konfront ta’ Xuereb issarfet f’żewġ karti sofor, waħda għal Abdul u l-oħra għal Conti ta’ Santa Lucia. Żewġ minuti wara l-kowċ ta’ Gudja United, Thane Micallef, ħareġ mill-grawnd lil Abdul u minfloku daħħal lil Dibola. Fit-tmienja u tmenin minuta Cremona ta’ Gudja United ingħata karta safra wara azzjoni rregolari hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jilgħabu logħob aktar agressiv iżda l-konfront intemm bi draw ta’ tnejn bi tnejn.

BOV Plejer tal-logħba: Souza Alan – Santa Lucia

Referee: Trustin Farrugia Cann

Formazzjonijiet:

Gudja United: Zammit Glenn(GK), Beland-Goyette Louis, Soares Rodolfo, Cremona Llywelyn, Pankarican Filip, Mensah Gabriel, Vella Hubert(C), Tabone Neil(43’ Grech Leighton), Dias Marcelo Mariano, Dudarev Igor, Abdul Temitope (84’ Dibola Junior)

Santa Lucia: Archibald Julani(GK), Prates Rodrigues Andre, Pisani Jurgen, Pulis Nicholas(67’ Xuereb Kieran), Silva Patrick, Plut Vito(67’ Conti Gianmarco), Souza Alan(C), Farias Francisco, Filho Victor, Zerafa Jamie(75’ Carbone Jamie), Xuereb Dexter

Miktub minn...
TVM Sport
.