Futbol lokali
Ġurnata qabel Malta – Gżejjer Faroe: “Mhux se tkun faċli iżda ninsabu preparati. Ilna 13-il sena nistennew rebħa f’pajjiżna” – Ray Farrugia

Malta tilgħab l-ewwel partiti minn Grupp F tal-kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej 2020 għada s-Sibt kontra l-Gżejjer Faroe. Din se tkun l-ewwel partita minn tnejn fi tlett ijiem għat-tim nazzjonali.

Ray Farrugia, kowċ nazzjonali, qal li l-plejers tiegħu jinsabu preparati għal din il-partita iżda qal li l-avversarji ta’ għada huma tim b’saħħtu ħafna b’diversi plejers li jilagħbu f’kampjonati ta’ saħħa fl-Ewropa bħal Ġermanja u d-Danimarka.

“Nafu u studjajna sew lill-avversarji tagħna. Mhux se tkun faċli iżda ninsabu preparati. Nafu x’jistgħu joffru l-Gżejjer Faroe. Ilna nitħarrġu flimkien għal dawn l-aħħar jiem u qed nemmnu fina nfusna. Se nkunu qed nagħmlu minn kollox għal riżultat pożittiv u biex nippruvaw nirbħu. Ilna 13-il sena nistennew rebħa f’pajjiżna f’partita uffiċjali tal-UEFA jew il-FIFA,” qal il-kowċ nazzjonali.

L-aħħar rebħa ta’ Malta fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali f’partita uffiċjali tal-UEFA jew tal-FIFA kienet fil-11 ta’ Ottubru 2006 kontra l-Ungerija bi skor ta’ 2-1, biż-żewġ gowls jiskurjahom Andre’ Schembri.

Farrugia fakkar li t-tim nazzjonali preżenti għaddej minn mument ta’ tranżizzjoni u li issa hu ż-żmien opportun biex jiġu introdotti plejers żgħażagħ flimkien ma’ dawk ta’ esperjenza li diġà għandu t-tim.

“Li hu pożittiv hu li grazzi għall-klabbs stajna jkollna l-plejers miġbura minn diversi jiem qabel. Il-plejers irrispondew tajjeb għal din is-sejħa u ż-żmien li issa ilna flimkien se jservi ta’ ġid għall-partiti li ġejjin,” qal Farrugia.

Mistoqsi minn TVM Sport jekk il-konċentrazzjoni hux diġà qiegħda fuq il-partita ta’ Spanja tat-Tlieta li ġej, Farrugia qal: “Le, aħna se nieħdu kollox pass pass. Partita wara partita. Dwar Spanja nibdew naħsbu eżatt kif tispiċċa l-partita kontra l-Gżejjer Faroe.”

Farrugia faħħar lit-tim ta’ kowċis u staff tekniku li għandu miegħu u qal li “mingħajrhom żgur li l-affarijiet fit-tim nazzjonali kienu jkunu ħafna differenti.”

Ray Farrugia tkellem fuq il-partita li Malta tilfet kontra l-istess tim ftit tax-xhur ilu fil-UEFA Nations League bi skor ta’ 3-1. Hu qal li fl-opinjoni tiegħu, minkejja t-telfa, din kienet waħda mill-aqwa partiti li t-tim Malti lagħab kemm ilu jmexxih hu.

“Qed niskurjaw il-gowls. Dak hu punt importanti ħafna. Vera li mill-banda l-oħra, iktar ma jidħlu barranin fil-kampjonat Malti iktar mhux se tgħin is-sitwazzjoni tat-tim nazzjonali. Għandna bżonn indaħħlu aktar żgħażagħ fit-tim,” qal Farrugia.

Mistoqsi jekk fin-nuqqas ta’ Andrew Hogg għażilx lill-goalkeeper għal dawn iż-żewġ partiti, Farrugia qal li għadu ma ddeċieda xejn u li se jagħmel dan wara t-taħriġ tal-lejla.

Fil-konferenza tkellem ukoll Steve Borg, difensur ta’ Valletta FC. Mistoqsi minn TVM Sport fejn jaħseb li l-Gżejjer Faroe huma aħjar minn Malta, Borg wieġeb:

“Fil-faċilitajiet, fil-finanzi u fl-opportunità li l-plejers jilagħbu barra l-pajjiż f’kampjonati b’saħħithom. Aħna kważi kollha nilagħbu f’Malta,” qal Borg.

Borg tkellem dwar il-plejers żgħażagħ li daħlu fit-tim riċentament. Hu qal li kull plejer ġdid intlaqa’ tajjeb minn kulħadd u li dawk ġodda se jkunu qed jgħinu lil dawk bħalu li ilhom fit-tim u viċe versa.

Malta – Gżejjer Faroe tintlagħab għada s-Sibt fis-6.00pm u tixxandar dirett fuq TVM2.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Enrico Pepe, l-ex fidensur ta’ Floriana u Hamrun Spartans, mil-lum sar plejer ta’ Birkirkara. Id-difensur Taljan iffirma kuntratt ta’ tliet snin. Pepe hu wieħed mill-aqwa difensuri li hawn fil-futbol Malti….

Futbol lokali

It-tliet Viċi Presidenti attwali tal-Malta Football Association reġgħu ġew nominati mill-klabbs u l-Assoċjazzjonijiet Membri biex jikkontestaw l-elezzjoni li se ssir fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-20 ta’ Lulju. TVM Sport jinsab infurmat…

Futbol lokali

Alfonso Greco, il-kowċ Taljan li fil-passat kien diġà f’Malta, se jirritorna ma’ Sliema Wanderers. Greco mistenni jasal f’Malta matul din il-ġimgħa. Greco, ta’ 51 sena, se jkun qed jieħu post…

Aktar