Futbol lokali
FILMAT: Gżira bit-tielet rebħa infila, issa jegħlbu lil Birkirkara

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20

Birkirkara……..1

Gżira UTD…….3

 Gżira United ħadu t-tielet rebħa infila u baqgħu mhux megħluba meta fit-tieni logħba tas-Sibt fis-Centenary Stadium huma rebħu kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 3-1. Kien Hamed Kone li bid-doppjetta tiegħu ddeċieda l-konfront, u b’gowl f’kull taqsima mhux biss għamel ċert li jirbaħ il-BOV Player tal-Logħba, imma wkoll li l-Gżirjani jitilgħu bi 13-il punt fil-klassifika u ħallew lill-Karkariżi fin-naħa t’isfel.

Il-kowċ Karkariż Andreas Paus ħareġ kważi bl-istess formazzjoni li biha beda fl-ewwel rebħa li Birkirkara kellhom f’dan l-istaġun kontra Hibernians, meta bidel biss plejer wieħed. Kurt Zammit beda l-logħba fuq il-bank tas-sostituti u postu ħadu Isaac Ntow. Fuq in-naħa l-oħra, Giovanni Tedesco għamel żewġ bidliet mit-tim li beda fir-rebħa kontra Valletta, meta Clifford Gatt Baldacchino u Arthur Oyama ħadu post Sacha Borg u Amadou Samb.

Gżira United fetħu tajjeb u mal-ewwel xutt indirizzat lejn il-lasti rnexxilhom imorru fil-vantaġġ. Kienu għaddew 8 minuti meta l-ballun wasal għand Hamed Kone li minn qagħda angolata tefa’ wara Hogg biex għamel l-iskor 1-0. Fis-27 minuta Haber kien mgħajjat fl-azzjoni meta x-xutt ta’ Prado kien milqugħ minn mal-art mill-goalkeeper Gżirjan. Prado reġa’ mpenja lil Haber b’xutt ieħor fil-31 minuta li iżda għal darb’oħra l-goalkeeper ta’ Gżira laqa’ bla wisq diffikultà. Fit-38 minuta kien imiss lil Hogg li jtajjar minn mal-art meta x-xutt ta’ Oyama kien insidjuż imma l-goalkeeper Karkariż mewwet l-azzjoni. Fl-44 minuta Hogg reġa’ kien tajjeb biex din id-darba salva x-xutt minn quddiemu ta’ Scerri.

Fis-56 minuta Gżira kellhom lil De Assis ammonit wara li l-attakkant Gżirjan kien ser jaqbeż lil Hogg u deher li ġie mwaqqa’ imma r-referee ħalla l-logħob għaddej. Fil-61 minuta Birkirkara kellhom ċans tajjeb li jġibu l-iskor indaqs meta Falcone tefa’ cross li bih ġab lil Attard waħdu li iżda venven xutt mill-ewwel għoli ħafna mil-lasti. Fit-73 minuta Gżira għalqu l-logħba meta mill-cross ta’ Oyama, Hamed Kone deher li donnu laqat il-ballun ħażin imma li kien biżżejjed biex żerżqu wara Hogg fir-rokna tax-xibka u għamilhom 2-0. Fit-83 minuta Birkirkara ngħataw penalty meta Federico Falcone twaqqaf f’tarf il-kaxxa l-kbira u mill-11-il metru tefa’ l-ballun fid-direzzjoni opposta ta’ fejn intefa’ Haber u għamilhom 2-1. Birkirkara pruvaw jippressaw għall-gowl tad-draw imma mas-sitt minuta fuq il-ħin regolamentari spiċċaw inaqbdu u b’kontrattakk Andrew Cohen dar tajjeb ma’ Hogg u tefa’ fix-xibka biex għamilhom 3-1 u għalaq il-logħba.

Riżultat finali: Birkirkara 1  Gżira UTD 3

BOV Player tal-Logħba: Hamed Kone ta’ Gżira UTD

Referee: Fyodor Zammit

Birkirkara: A. Hogg (GK), E. Pepe, M. Vella (M. Guillaumier 75’), R. Briffa (c), F. Falcone, C. Attard, C. Prado, O. Carniello, M. Alba (M. Mifsud 64’), R. Fenech, I. Ntow

Gżira UTD: J. Haber (GK)(c), F. Barbosa, G. Conti (A. Cohen 72’), N. Muscat (J. Corbalan 81’), Z. Scerri, R. Soares, C. Gatt Baldacchino, H. Kone, A. Oyama, M. Davis, J. De Assis

 

 

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Inizjattiva mill-Club tal-Premier ta’ Senglea Athletic hekk kif se terġa’ titwaqqaf is-Senglea Athletic Nursery. F’konferenza Stampa tħabbar li l-Club ħatar lil Davor Filipovic bħala l-Head coach ta’ din in-Nursery li…

Futbol lokali

Matul il-ġimgħa li għaddiet kompla l-kampjonat BOV Futbol tan-Nisa fejn intlagħbu 3 logħbiet. Mosta-Hibernians 1-1 Fil-partita li ntlagħbet fiċ-Charles Abela Stadium, Mosta rnexxilom jieħdu punt kontra Hibernian. Kien it-tim ta’…

Futbol lokali

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena, tilef l-ewwel partita tiegħu minn Grupp 6 ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Italja bi skor ta’ 2-0. Il-partita ntlagħbet fi Stadio Misano Adriatico….

Futbol lokali

It-tim nazzjonali Malti llum telaq lejn Spanja. Malta tilgħab id-disa’ partita minn Grupp F ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2020, il-Ġimgħa fl-istadium Ramón de Carranza, f’Cadiz. Il-partita tibda fid-8.45pm u tixxandar…

Aktar