Futbol internazzjonali
Gżira United fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa Conference League wara li għelbu lil Sant Julia bl-għoti tal-penalties

L-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni

Gżira United  1-1  Sant Julia (5-3 bl-għoti tal-penalties) (agg. 7-5

Gżira kellhom l-ewwel azzjoni lejn il-lasti avversarji wara 4 minuti logħob meta Correa Duarte pprova xortih imma Ignacio Zabal kien attent biex isalva. Fuq in-naħa l-oħra fit-12-il minuta Haber kellu jsalva fuq tentattiv ta’ Kambi. Fil-21 minuta Sant Julia marru fil-vantaġġ. Mill-clearance ta’ Haber approfitta Bedsente Gomis li b’mezzo-ravoxxata tefa’ wara l-goalkeeper tal-Maroons għal 1-0 u hekk baqgħu sal-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima l-Maroons ippruvaw iġibu l-iskor indaqs. Fil-51 minuta x-xutt ta’ Muscat kien milqugħ mill-goalkeeper avversarju, imma l-istess goalkeeper fit-52 minuta ma seta’ jagħmel xejn ħlief jiġbor il-ballun mix-xibka. Kien il-freekick ta’ Muscat, il-ballun wasal għand Pisani li għadda lejn Gabriel Bohrer Mentz li tefa’ wara l-goalkeeper avversarju għal 1-1. Wara l-gowl Gżira ħadu nifs ġdid u fil-61 minuta Correa Duarte reġa’ kien imċaħħad minn Ignacio Zabal milli jpoġġi lit-tim tiegħu minn fuq. U l-konfront baqa’ għaddej u sad-90 minuta l-iskor baqa’ 1-1, bil-logħba kellha tmur għall-ħin barrani.

Fil-114-il minuta l-Maroons fallew ċans li jmorru fil-vantaġġ meta l-goalkeeper Ignacio Zabal wettaq save sabiħ fuq il-ballun ta’ Jefferson u sal-120 minuta l-iskor baqa’ 1-1, bil-logħba jkollha tmur għall-penalties.

Maxuell Samurai, Jackson Mendoza, Steve Pisani, Gabriel Bohrer Mentz u Steve Borg skurjaw il-penalties għal Gżira, filwaqt li għal Sant Julia falla l-penalty tiegħu Nimani, u għalkemm skurjaw Gomis, Kambi u Echaide ma kienx biżżejjed għalihom biex jirbħu l-konfront.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA