Futbol internazzjonali
Gżira United jitilfu kontra Rijeka fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League

Gżra United FC……..0
HNK Rijeka…………..2

Gżira United ħarġu telliefa fl-ewwel leg tat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League meta fl-Istadium Ċentinarju tilfu kontra Rijeka 2-0.

Bidla waħda għall-Maroons mill-aħħar logħba meta l-kowċ Darren Abdilla ħalla barra lil Nicolai Muscat u minflok daħħal lil Dexter Xuereb.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn Rijeka fis-27 minuta meta Ampem ipprova minn barra l-kaxxa iżda Haber tar minn tulu biex tajjar il-ballun. Għal darb’oħra Haber ġie mgħajjat fl-azzjoni meta kellu jsalva fuq xutt ta’ Murić fit-32 minuta.

Rijeka ħarġu b’saħħithom fit-tieni taqsima u Haber kellu jsalva fuq xutt ta’ Tomečak fil-51 minuta. Mas-57 minuta jasal l-ewwel gowl ta’ Rijeka meta Tomečak tefa’ kross baxx mil-lemin, is-sostitut Denis Bušnja b’xutt għeleb lil Haber għal 1-0. Reazzjoni mill-Maroons fid-59 minuta meta Martin Davis ittanta xutt mid-distanza li għadda ftit barra u fit-63 minuta Labrović kellu jkun fl-aqwa tiegħu biex b’akrobazija dawwar f’corner it-tentattiv ta’ Thiaguinho. Fis-77 minuta waslet id-daqqa aħħarija għal Gżira United meta żball fid-difiża, approfitta Obregon li saħansitra ħalla lil Haber warajh, qassam lejn Prince Ampem li f’lasta vojta tefa’ ġewwa għal 2-0.

Erba’ minuti minn tmiem il-konfront Rijeka spiċċaw jilagħbu b’għaxra meta tkeċċa Ivan Lepinjica għat-tieni karta safra.

Riżultat finali:  Gżira United FC  0-2  HNK Rijeka
Referee:  Neil Doyle mill-Federazzjoni Irlandiża

Gżira United FC – Justin Haber(GK), Gabriel Bohrer Mentz, Steve Borg(c) (85’ Luke Tabone), Stephen Pisani (88’ Judivan), Zachary Scerri, Dexter Xuereb, Martin Davis, Ricardo Correa Duarte (68’ Jefferson), Maxuell Samurai, Thiaguinho, Jackson Mendoza

HNK Rijeka – Nediljko Labrović(GK), Nino Galović(c), Robert Murić (67’ Matej Vuk), Adrian Liber (46’ Denis Bušnja), Domagoj Pavičić, Prince Ampem (90+1’ Niko Galešić), Andrija Vukčević, Ivan Lepinjica, Josip Drmic (55’ Jorge Obregon), João Escoval, Ivan Tomečak

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA