Futbol lokali
Gżira Utd jibqgħu konsistenti u jerġgħu jirbħu

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Gżira UTD FC……..3

Sliema W. FC………2

Gżira United rebħu l-ewwel logħba tas-Sibt fil-Hibernians Stadium meta f’konfront delikat ma’ Sliema Wanderers ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2 u mhux biss qabżu lill-istess Sliema fil-klassifika, imma anke jekk għal ftit sigħat, telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika.

Għal dan il-konfront iż-żewġ kowċis għamlu erba’ bidliet mill-aħħar logħba li lagħbu f’Ottubru li għadda. Darren Abdilla beda b’Justin Haber bejn il-lasti minflok Anthony Curmi, filwaqt li Dexter Xuereb, Martin Davis u Amadou Samb kienu mgħajta mal-ewwel ħdax u ħadu post Nevin Portelli, Jefferson de Assis u Camilo Escobar. Fuq in-naħa l-oħra, Andrea Pisanu beda lil Gilmar Da Silva Ribeiro, John Mintoff, Riki Kakinuma u Arthur Cunha Da Rocha minflok Dejan Vukovic, Sylvano Comvalius, Oscar Linton u Jean Paul Farrugia.

Il-Maroons stennew biss 7 minuti sabiex jiftħu l-iskor meta l-attakkant Martin Davis irċieva l-ballun fuq ix-xellug, qabeż il-goalkeeper u minn qagħda angolata tefa’ fix-xibka għal 1-0. Il-gowl ħasad lill-Wanderers li donnhom ma setgħux ilaħħqu mal-ħeffa tal-Maroons u fit-12-il minuta għal ftit ma sofrewx gowl ieħor meta Samb ra l-konklużjoni tiegħu tgħaddi għoli mil-lasti avversarji. Fid-19-il minuta l-Wanderers ingħataw freekick u mid-distanza Da Silva Ribeiro impenja lil Haber biex salva minn mal-art. Fit-33 minuta l-plejers u l-istaff tekniku Slimiż għajtu għall-penalty meta l-ballun ta’ Kakinuma deher jaħbat ma’ jdejn Steve Borg imma r-referee ordna corner. Fid-39 minuta ċans ieħor għal Gżira, iżda x-xutt ta’ Correa Duarte għadda ftit metri barra mill-wieqfa.

Gżira United bdew it-tieni taqsima l-istess kif bdew l-ewwel waħda, u mal-51 minuta rduppjaw meta did-darba Correa Duarte mix-xellug tefa’ cross fil-baxx li wasal f’saqajn Raphael Kooh Sohna li waħdu quddiem Galea ma żbaljax u għamilhom 2-0. Fit-58 minuta ċans ieħor għall-Maroons, din id-darba Correa Duarte prova xutt bid-dawra li iżda Galea rnexxielu jtajjar f’corner. Sliema Wanderers daħlu fil-logħba mas-siegħa logħob meta l-ballun tas-sostitut Vukovic sab lil Riki Kakinuma li tefa’ wara Haber għal 2-1. Il-Wanderers baqgħu jippressaw u fit-63 minuta l-freekick mil-lemin ta’ Da Silva Ribeiro ħoloq xi ftit tal-konfużjoni fid-difiża għall-Maroons li fortunatament għalihom ma kien hemm l-ebda plejer avversarju sabiex jikkonkludi. Il-pressjoni tal-Wanderers sarrfet fil-gowl tad-draw fit-80 minuta meta mill-cross ta’ Cisotti, is-sostitut Jean Paul Farrugia għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras tefa’ fix-xibka għal 2-2. Sliema żammew id-draw għal erba’ minuti biss għax wara handsball fil-kaxxa tagħhom, ir-referee Spiteri pponta lejn iċ-ċirku tal-11-il metru u l-captain Steve Borg tefa’ l-goalkeeper naħa u l-ballun oħra biex reġa’ poġġa lill-Maroons minn fuq 3-2. Il-vantaġġ ta’ gowl irnexxilhom iżommuh sal-aħħar biex b’hekk Gżira United ħadu tliet punti importantissimi fil-klassifika.

BOV Player tal-Logħba: Ricardo Correa Duarte (Gżira United)

Referee: Malcolm Spiteri

Formazzjonijiet:

Gżira UTD FC – Justin Haber(GK), Gabriel Bohrer Mentz, Steve Borg(c), Nikolai Muscat, Dexter Xuereb, Martin Davis, Hamed Kone, Ricardo Correa Duarte, Sacha Borg, Amadou Samb (68’ Jefferson de Assis), Raphael Kooh Sohna (81’ Omar Elouni)

Sliema W. FC – Jake Galea(GK), Alexander Satariano (66’ Jean Paul Farrugia), Kurt Shaw, Alessandro Milesi (57’ Denilson Pereira Neves), John Mintoff(c) (57’ Dejan Vukovic), Gilmar Da Silva Ribeiro, Juri Cisotti, Gabriel Aquilina (78’ Edmond Agius), Riki Kakinuma (78’ Ruslan Kisil), Arthur Cunha Da Rocha, Myles Beerman

Miktub minn...
TVM Sport