Futbol internazzjonali
Ħabs għal Fabrizio Miccoli

L-ex Juventus, Fiorentina, Palermo u Birkirkara Fabrizio Miccoli kien ikkundannat għal 3 snin u nofs ħabs wara li nstab ħati b’aggravju, każ li ġie mqabbel mal-operat tal-mafja.

L-ex attakkant Taljan kien akkużat li qabbad lil sieħbu Mauro Lauricella sabiex jieħu lura flus mingħand sieħeb fin-negozju ta’ diskoteka. Mauro Lauricella jiġi t-tifel ta’ wieħed mill-kapijiet tal-mafja Antonino Lauricella.

Il-każ kien qed jinstema’ quddiem il-Qorti di Cassazione li min-naħa tagħha ma laqgħetx it-talba ta’ Miccoli u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ta’ Jannar 2020. Minħabba li d-deċiżjoni hija finali, Miccoli ser jintbagħat il-ħabs biex iservi s-sentenza.

Il-każ imur lura numru ta’ snin. L-ex captain ta’ Palermo kien ikkummissjona lil Mauro Lauricella sabiex jiġbor lura €12,000 mingħand Andrea Graffagnini, ex sieħeb fin-negozju tad-diskoteka ‘Paparazzi’ fl-Isola delle Femmine ma’ Giorgio Gasparini. Minn dak li ħareġ fil-Qorti, Graffagnini kien mhedded diversi drabi u saħansitra twettqet vjolenza fil-konfront tiegħu. Fuq l-istess każ, Mauro Lauricella weħel seba’ snin ħabs ftit tal-ġimgħat ilu.

Miccoli kien aġixxa bħala aġent għall-ex fiżjoterapista ta’ Palermo Gasparini, li kien is-sieħeb fin-negozju ma’ Graffagnini. Gasparini kien staqsa lil Miccoli jekk għandux xi ħbieb fid-dinja tad-diskoteki għax ried jiġbor lura €12,000 mingħand Graffagnini. Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Turturici kiteb li l-każ kellu assimiljazzjoni ma’ kif taħdem il-mafja.

Fabrizio Miccoli, li anke lagħab f’pajjiżna ma’ Birkirkara għal ftit xhur, ingħata sentenza ta’ ħabs mill-ewwel Qorti, liema sentenza kienet dejjem ikkonfermata minn Qorti għall-oħra fejn l-avukati ta’ Miccoli ppruvaw isibu kenn. Miccoli dejjem qal li ma kienx jaf li sieħbu Mauro Lauricella kien assoċjat mal-mafja.

Dan il-każ ħoloq aktar sensazzjoni għaliex kien hemm mumenti fejn Miccoli għadda kummenti dispreġjattivi dwar l-Imħallef Giovanni Falcone ma’ ħabib tiegħu. L-Imħallef Falcone kien inqatel mill-mafja Taljana fl-1992. Fabrizio Miccoli kien skuża ruħu tal-kummenti dispreġjattivi li għadda meta l-aħbar ħarġet fil-pubbliku.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA