Boxing
Haithem Laamouz pożittiv wara test tad-doping

Il-Boxer Malti Haithem Laamouz instab pożittiv għal sustanza pprojbita wara doping test li sarlu fi tmiem ġlieda fil-Palasantoro f’Ruma fl-4 ta’ Diċembru li għadda.

Il-Malti kien rebaħ bil-punti kontra t-Taljan Mario Alfano sabiex sar champion tas-super feather weight tal-European Boxing Union.

Wara l-ġlieda fuq tnax -il rawnd, Laamouz rebaħ lil Alfano b’deċiżjoni unanima tal-ġurija bil-punti u peress li kienet ġlieda għal titlu prestiġjuż Ewropew saru t-testijiet tad-doping liż-żewġ boxers. TVM Sport jinsab infurmat li s-Segretarju Ġenerali tal-EBU Enza Jacopini infurmat l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Boxing li fit-test ta’ Laamouz instabet is-sustanza ipprojbita mill-WADA ta’ Norandrosterone.

L-EBU issa qed tistenna komunikazzjoni uffiċjali mill-MBA jekk il-boxer Malti hux bi ħsiebu jipproċedi bit-test tat-tieni sample bl-ispejjeż għalih. Jekk dan it-tieni test mit-tieni sample jiriżulta wkoll pożittiv, jitteħidlu ċ-ċintorin u jaffaċċja sospensjoni twila. Fil-passat il-player tar-Rugby League Roderick Attard li instab pożittiv lura fis-sena 2010 għas-sustanza Norandrosterone kien weħel sentejn sospensjoni.

Fi żviluppi tard illum waranofsinhar TVM Sport kiseb informazzjoni li Laamouz kien mistenni jipproċedi bit-test tat-tieni sample u mistenni jressaq l-argumenti kollha biex itenni l-innoċenza tiegħu f’dan il-każ.

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.