Futbol internazzjonali
Haley Bugeja tispiċċa l-istaġun 2020-21 bħala top scorer ta’ Sassuolo

Il-Plejer internazzjonali Maltija tal-futbol Haley Bugeja temmet uffiċjalment l-impenji tagħha ta’ dan l-istaġun ma’ Sassuolo fis-Serie A Femminile b’żewġ goals oħra meta fl-aħħar logħba kontra Empoli hi skorjat dopjetta f’rebħa ta’ 6-1.

Bugeja bdiet din il-logħba mal-ewwel ħdax u skorjat fl-48 minuta l-goal tat-3 -1 vantaġġ għall-Sassuolo u l-goal tal-4-1 fis-56 minuta b’dan ikun deskritt bħala goal ieħor maestuż mill-attakkanta Maltija (ara l-filmat). Il-goal tal-4-1 kien ivvutat ukoll bħala wieħed mill-isbaħ tliet goals tat-22 ġurnata tas-Serie A Femminile. Sassuolo spiċċaw il-kampjonat fit-tielet post wara ċ-Champions Juventus u wara r-runners up Milan. Id-distakk bejn Milan u Sassuolo fil-klassifika finali hu biss ta’ punt hekk kif Milan spiċċaw b’51 punt u Sassuolo b’50 punt. B’kollox dan l-istaġun Haley Bugeja skorjat 12 -il goal u spiċċat l-aħjar skorer tat-tim tagħha minkejja li ma lagħbitx il-logħbiet kollha u f’xi logħbiet anqas kienet tibda mal-ewwel 11. Hi spiċċat fir-raba’ post tal-klassifika ġenerali tal-iskorers tal-kampjonat.

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.