Regatta
Ħames midalji għall-qaddiefa li ħadu sehem fil-Kampjonati Brittaniċi tal-Qdif Virtwali

Erba’ qaddiefa Maltin affiljati mal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor kisbu ħames midalji bejniethom fil-Kampjonati Brittaniċi tal-Qdif Virtwali organizzati mill-British Rowing
fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Fil-kategorija Open tal-irġiel, kien Jan Tanti li rebaħ l-ewwel midalja. Huwa rebaħ il-fidda fil-100m sprint. F’pajjiżna Tanti huwa qaddief tal-klabb tar-Regatta tal-Marsa.

Bronż għall-qaddief Juan Farrugia li spiċċa t-tielet fil-500m. F’pajjiżna Farrugia jieħu sehem mal-klabb tar-Regatta ta’ Marsamxett.

Il-para-qaddief Owen Mallia rebaħ żewġ midalji tad-deheb meta kkompeta fil-kategorija IAR5. Mallia huwa l-ewwel atleta li qatt ħa sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-paraqdif. Owen Mallia huwa wieħed mill-qaddiefa tal-Klabb tal-Qdif tas-Siġġiewi.

Mill-istess klabb, l-iżgħar rebbieħa ta’ midalja kienet Scarlett Yilmaz li għad għandha 11-il sena. Scarlett rebħet il-fidda fil-500 metru fil-kategorija tal-età tagħha. B’hekk Scarlett Yilmaz mhux biss saret l-iżgħar atleta Maltija li qatt ħadet sehem f’kompetizzjoni internazzjonali tal-qdif, imma saret l-iżgħar rebbieħa ta’ midalja f’dan l-isport.

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA