Olimpijadi TOKYO 2020
Ħames plejers tar-rugby tal-Afrika t’Isfel ma jitħallewx jidħlu fil-Villaġġ Olimpiku

Ħames plejers tar-rugby sevens tal-Afrika t’Isfel kellhom jitilqu mill-Villaġġ Olimpiku wara li ġew f’kuntatt mill-qrib mal-kowċ Neil Powell. Il-kowċ tat-tim jinsab kwarantina wara li l-ġimgħa li għaddiet instab pożittiv għall-Covid-19 malli wasal Tokjo. Fil-fatt Powell ser jitlef il-logħob tat-tim tiegħu bejn nhar it-Tnejn u nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla, fejn ser joffri l-assistenza lit-tim virtwalment.

L-Afrika t’Isfel kienet qed tittama li toħroġ minn l-edizzjoni tal-Olimpjadi bil-midalja tad-deheb, imma l-fatt li ħames plejers ser ikunu ‘l bogħod minn sħabhom qed tkompli tagħmilha diffiċli biex jilħqu dan it-tragward. Il-ħames plejers jinsabu alloġġjati f’lukanda differenti, minħabba li waslu flimkien ma’ Powell il-ġimgħa li għaddiet. Jidher li jekk ser jerġa’ jkollhom riżultat negattiv ta’ swab test matul il-ġurnata tal-Ġimgħa, huma jitħallew jitħarrġu mat-tim is-Sibt u l-Ħadd.

L-Afrika t’Isfel kienet rebħet il-midalja tal-bronż fl-Olimpjadi ta’ Rio ħames snin ilu, biss did-darba huma ħafna dawk li qed isostnu li hemm ċans kbir għar-rebħ tal-midalja tad-deheb. L-Afrika t’Isfel tibda l-impenji tagħha kontra l-Irlanda nhar it-Tnejn, imbagħad tilgħab ukoll kontra l-Kenja u l-Istati Uniti f’Pool Ċ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA