Motorsport
Hamilton u Bottas jibdew jitħarrġu f’Silverstone

Is-sewwieqa tal-Mercedes Lewis Hamilton u Valtteri Bottas irritornaw fuq iċ-ċirkwit ta’ Silverstone għall-ewwel darba minn Frar li għadda meta bdew it-taħriġ taħt protokolli ġodda. Is-sewwieqa bdew jitħarrġu b’restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u bi preparazzjoni għall-kampjonat li mistenni jibda fil-5 ta’ Lulju bil-Grand Prix tal-Awstrija. Filwaqt li Valtteri Bottas ittestja l-karozza matul il-ġurnata tat-Tlieta, Lewis Hamilton kien fl-azzjoni l-Erbgħa. Huma saqu l-karozza tal-2018 għaliex skont ir-regolamenti tal-FIA għalissa ma jistax isir ittestjar ta’ parts ġodda tal-karozza.

Fil-garaxx tat-tim seta’ jiġi nnutat kif kulħadd kien liebes il-maskra tal-wiċċ, bi preparazzjoni għal staġun li s’issa għadu mhuwiex ikkonfermat kollu. S’issa l-FIA ppubblikat kalendarju ta’ tmint itlielaq f’10 ġimgħat, filwaqt li hu mistenni li sal-aħħar tax-xahar ikun ippubblikat il-kalendarju komplut għall-2020.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA