Futbol lokali
Ħamrun S. – Gżira U. spustjata għas-2pm: Diretta fuq TVM2
Floriana - Birkirkara tintlagħab fit-22 ta' Diċembru

Il-partita t’għada mis-7 Ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier bejn Ħamrun Spartans u Gżira Utd se tintlagħab fis-2 ta’ wara nofsinhar minflok fis-6:15 ta’ filgħaxija kif kienet skedata qabel.

TVMSport hu nfurmat li l-Malta FA laqgħet talba taż-żewġ clubs stess biex il-partita tiġi spustjata għal aktar kmieni.

Il-post jibqa’ l-istess: il-Hibernians Stadium ta’ Kordin.

Ħamrun – Gżira tieħu post Floriana – Birkirkara li kellha tintlagħab fl-istess stadium fis-2 imma tħassret u ġiet posposta għal data oħra aktar tard probabbli f’Diċembru, wara li l-iskwadra sħiħa ta’ Birkirkara tpoġġiet fi kwarantina minħabba numru ta’ każi ta’ Covid-19 fost il-players.

Illejla tħabbar intant li Floriana – Birkirkara se tintlagħab nhar it-Tlieta 22 ta’ Diċembru, fl-istess ġurnata li hija skedata l-partita l-oħra li trid tiġi rkuprata bejn Sirens u Mosta.

Ħamrun u Gżira huma tnejn minn  erba’ timijiet li qed jaqsmu l-ewwel posts tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier bi 13-il punt minn sitt logħbiet kull wieħed.

Ħamrun Spartans – Gżira Utd tixxandar diretta fuq TVM2.

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.