Futbol lokali
Ħamrun Spartans jappellaw mill-karta ħamra t’El Bakhtaoui

Ħamrun Spartans appellaw mid-deċiżjoni tal-Kummissarju tad-Dixxplina tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol dwar il-karta ħamra li rċieva l-attakkant Faissal El Bakhtaoui fl-ewwel taqsima tal-logħba kontra Hibernians nhar il-Ħadd li għadda. L-appell tal-Ispartans hu li l-ammont ta’ logħob jitnaqqas, u dan minħabba li l-plejer tagħhom kien ipprovokat sabiex jagħmel dak li jagħmel. Fil-filmati tal-logħba jidher ċar li Vella kien l-ewwel li miss lil El Bakhtaoui, bil-plejer ta’ Ħamrun jirritalja bl-ikrah għal dak li għamillu l-midfielder Pawlist.

El Bakhtaoui tkeċċa ftit minuti qabel it-tmiem tal-ewwel taqsima wara li deher jirritalja fuq Dunstan Vella. L-assistent uffiċjal tal-logħba nduna b’dak li seħħ bejn El Bakhtaoui u Vella, u informa lir-referee Slobodan Petrovic li mal-ewwel wera l-karta l-ħamra lill-attakkant Ħamruniż.

L-Ispartans tilfu l-konfront, il-ħames telfa ta’ dan l-istaġun, b’El Bakhtaoui għandu barra tliet logħbiet minħabba sospensjoni. Jidher li l-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-MFA  ħareġ b’din id-deċiżjoni minħabba r-ritaljazzjoni u mhux għax El Bakhtaoui ntwera karta ħamra diretta.

El Bakhtaoui huwa mistenni li jitlef il-logħba ta’ tmiem din il-ġimgħa kontra Santa Lucia, qabel ma jinstema’ l-appell il-ġimgħa d-dieħla. S’issa El Bakhtaoui ser jitlef ukoll il-logħob kontra Sliema Wanderers u Valletta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA