Futbol lokali
Hamrun Spartans – Valletta: Memorji tas-Snin ’80…Analiżi u l-kummenti tal-Viċi Presidenti Gejtu Debattista u Paul Spiteri

Hamrun Spartans kontra Valletta hi partita li tqanqal memorji kbar għal dawk li jiftakru s-Snin ’80.

Il-partita ta’ għada fl-istadium nazzjonali, f’Ta’ Qali, mhux eċċezzjoni. It-tensjoni fit-toroq tal-Ħamrun u tal-Belt tinħass sew. U bir-raġun!

Valletta jinsabu rebħa ’l bogħod mill-25 titlu fl-Istorja. Tliet punti għada jaċċertaw minn dan kollu. Iżda r-rebħa u t-tliet punti mhux se jkunu xi passiġġata. Quddiemhom għandhom tim ta’ Storja bħalhom. Forsi t-tim rivelazzjoni tal-istaġun. Tim organizzat ħafna fil-pitch immexxi minn kowċ b’kapaċitajiet enormi. Valletta se jilagħbu kontra t-tim li diġà tilfu miegħu fl-ewwel rawnd.

Iżda Valletta jibqgħu dejjem Valletta. L-Ingliżi jsejħulhom, ‘The team to beat’. Valletta jinsabu kampjonat ’il bogħod milli jilħqu lil Floriana, u dan għalihom jista’ jkun stimolu żejjed biex jaslu sat-tragward. Gilbert Agius, ikona u kowċ tal-Beltin, jista’ jkun fattur importanti ħafna fid-90 minuta ta’ għada.

Valletta kienu l-iktar tim li skurja gowls f’dan il-kampjonat u l-inqas li qalgħu gowls. Forsi ħadd daqshom ma ħaqqu jirbaħ il-kampjonat. Din l-istatistika, normalment, issarraf f’suċċess. Iżda għal din id-darba, din l-istess statistika tista’ ma taħdimx. Għal żewġ raġunijiet. Għax l-Ispartans għandhom għalxiex jilagħbu l-partita ta’ ħajjithom…u għax Hibernians, fl-istess ħin, se jkunu qed ifittxu t-13-il titlu fl-Istorja b’possibbilment rebħa kontra Balzan.

Hamrun Spartans ilhom ma jkunu f’din il-pożizzjoni snin twal. L-aħħar darba li Hamrun rebħu l-kampjonat Premier fl-1990/91, fiż-żminijiet tal-leġġenda Victor Tedesco. Donnu l-kunjom ‘Tedesco’ jġib ir-risq u l-benedizzjoni fil-Ħamrun daqs San Gejtanu.

Għal tim li sal-istaġun 2015/16 kien qed jilgħab fl-Ewwel Diviżjoni, il-passi li saru kienu ta’ ġgant. Wieħed irid jirrikonoxxhi l-fatt li jekk ma tkunx klabb b’poplu kbir fih innifsu, kważi impossibbli li tirkupra u tagħmel dawn l-avvanzi fi fi żmien pjuttost qasir.

Rebħa għada għal Hamrun Spartans tiggarantixxi r-raba’ post. Ir-raba’ post fih ‘gwerra sportiva’ sal-aħħar sekonda. Jista’ jkun prestiġġju u jiswa balla euro lill-klabb li jispiċċa fih. Jista’ jfisser il-parteċipazzjoni fl-Europa League, u għal dan il-post, għad hemm fil-logħba sew Balzan u Sliema Wanderers. Draw għal Hamrun jista’ jkun biżżejjed ukoll jekk Balzan jitilfu kontra Hibernians. Telfa għal Hamrun tista’ wkoll tippremjahom bir-raba’ post, għalkemm inprobabbli ħafna li Sliema Wanderers ma tirbaħx kontra Pietà Hotspurs, diġà relegati u fl-aħħar post tal-klassifika. Ir-raba’ post jista’ wkoll joffrielna partita oħra ‘decider’ jekk Hamrun u Balzan jew Sliema Wanderers jispiċċaw bl-istess punti.

Min-naħa l-oħra, ‘logħba’ simili se tintlagħab għall-ewwel post. Stefano Sanderra, kowċ ta’ Hibernians, ma setax tkellem aħjar fil-konferenza tal-bieraħ meta qal li jkun żball enormi jekk waqt il-partita l-plejers jaħsbu f’mument x’se jkun qed jiġri f’Ta’ Qali. Diffiċli iżda għandu raġun. Il-Pawlisti jridu jirbħu u jistennew li Valletta ma jirbħux. Mhux faċli, iżda mhux impossibbli. Wara kollox m’hemm l-ebda sigriet u skandlu jekk wieħed jgħid li ‘Valletta huma favoriti li jirbħu kontra Hamrun Spartans’.

Il-partita ta’ għada se tkun speċjali għal ħafna. Għal kull min jiftakar din il-partita fl-aqwa tagħha fl-imgħoddi. Għal kull min hu Belti u jiftakar iż-żminijiet tal-follol kbar tal-istadium, għal kull min hu Ħamruniż u jiftakar iż-żminijiet meta t-tim ta’ qalbu kien l-aqwa ta’ Malta…wisq probabbli għada jemozzjona ruħu.

Il-partita ta’ għada hi spettaklu għal kull min iħobb il-futbol Malti. Jekk dilettant tal-futbol, speċjalment tal-futbol Malti, għada ma tistax ma tkunx preżenti fl-istadium nazzjonali.

TVM Sport jinsab infurmat li ż-żewġ klabbs biegħu diġà l-biljetti kollha fiż-żewġ stands rispettivi tagħhom tal-istadium. Dan ifisser li 1,500 biljett fuq kull naħa diġà nbiegħu, ifisser ukoll Valletta bdew ibiegħu fil-Millennium Stand u Hamrun Spartans bdew ibiegħu fin-North Stand. Ifisser spettaklu garantit!

TVM Sport ħa l-kummenti taż-żewġ Viċi Presidenti rispettivi, Gejtu Debattista u Paul Spiteri, f’isem Hamrun Spartans u Valletta, rispettivament.

Gejtu Debattista, l-aktar persuna li ilu jservi fil-Kumitat f’dawn l-aħħar snin qalilna:

“Memorji kbar meta ssemmi Hamrun Spartans – Valletta. Jien ilħaqt is-Snin ’80 kollha u naf sew xi tfisser din il-partita. Din hi t-tip ta’ logħba li għandu bżonn il-futbol Malti biex iqum fuq tiegħu.

“It-tim tagħna qiegħed hemm. Il-plejers u n-nies tagħna kollha fuq xogħlhom. Il-Ħamrun ingħaqad sew fl-aħħar jiem. Nisperaw li l-aħjar tim jirbaħ u li kulħadd jaċċetta r-riżultat finali.”

Paul Spiteri, f’isem Valletta FC qalilna:

“Partita li ġġibli memorji ta’ meta l-Ħamrun kellhom l-aqwa tim. Partiti bħal dawn huma dejjem speċjali. Aħna nkunu fit-tellieqa kull sena u nippruvaw nirbħu kull sena. Nittamaw li għada jsir l-istess.

“Dawn il-partiti li meqjusa ‘derby’ huma dejjem interessanti. Nieħu gost li l-Ħamrun qegħdin Premier u saru forza għax ifisser aktar nies u spettaklu fl-istadium. Il-Ħamruniżi poplu ffisat fuq il-futbol daqs il-Beltin. Nawgura partita tajba lil kulħadd.”

Hamrun Spartans – Valletta, għada fl-istadium nazzjonali, f’Ta’ Qali, fl-16.00. Il-partita tixxandar diretta fuq TVM2.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Manuele Blasi, l-ex plejer ta’ Juventus, Parma, Fiorentina u Napoli, fost l-oħrajn, se jkun il-kowċ il-ġdid ta’ Hamrun Spartans FC. TVM Sport jista’ jikkonferma li Hamrun Spartans għalqu dawn in-negozjati…

Futbol lokali

Pietà Hotspurs FC għelbu lil Floriana FC fil-finali tan-Knock Out li ntlagħbet ilbieraħ fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun bi skor ta’ 3-1. B’din ir-rebħa, t-tim tal-Hotspurs reġa’ ta prova li hu…

Futbol lokali

Football lokali: Il-Kowċ tat-tim nazzjonali Malti Ray Farrugia illum sejjaħ skwadra provizorja għal-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Euro 2020 kontra l-Iżvezja u r-Rumanija rispettivament. It-tim Malti ser jilgħab barra minn darna…

Futbol lokali

FINALI KO MAFA 2018-19 Versity AFC irnexxielhom jiksbu double storiku fil-MAFA meta rebħu l-kompetizzjoni Knock-Out kontra r-rivali Valletta St Pauls bl-għoti tal-penalties. Wara li ġimgħa ilu t-tim minn Tal-Qroqq rebħu…

Aktar