Futbol lokali
Hamrun Spartans viċin Joseph Mbong ta’ Hibernians; jonqos biss il-ftehim tas-somma bejn iż-żewġ klabbs

Il-plejer internazzjonali Malti Joseph Mbong jista’ jingħaqad ma’ Hamrun Spartans fis-sigħat li ġejjin.

TVMSport jista’ jikkonferma li Hamrun Spartans diġà tkellmu ma’ Hibernians u mal-plejer innifsu.

Jidher li bejn Hamrun Spartans u l-plejer diġà ntlaħaq ftehim dwar il-kuntratt u s-salarju.

Iżda n-negozjati bejn Hamrun Spartans u Hibernians jistgħu jieħdu xi ftit aktar fit-tul milli mistenni.

Jidher li l-ewwel offerta ta’ Hamrun Spartans ma ntlaqagħtx mit-tim ta’ Raħal Ġdid u fis-sigħat li ġejjin, Hamrun mistennija jagħmlu t-tieni u l-aħħar offerta.

Joseph Mbong, ta’ 22 sena, wera x-xewqa li jingħaqad ma’ Hamrun Spartans u jibda avventura ġdida fil-karriera tiegħu.

Joseph Mbong jonqsu sena kuntratt ma’ Hibernians.

Wara l-istaġun li ġej, Mbong jiġi plejer liberu li jista’ jingħaqad ma’ min irid mingħajr ħlas.

Jekk dan it-transfer iseħħ, ikun ifisser ‘kolp’ ieħor b’saħħtu għall-imprenditur Joseph Portelli biex jagħmel lil Hamrun Spartans, forza mill-ġdid tal-futbol Malti.

TVMSport jista’ jikkonferma wkoll li Hamrun Spartans urew interess fil-midfielder nazzjonali ta’ Birkirkara, Matthew Guillaimier iżda ċ-ċifra mitluba mill-President Frankie Zarb kienet waħda esaġerata.

Madankollu, sorsi ta’ TVMSport mill-klabb Ħamruniż ikkonfermaw li l-possibbiltà ta’ Guillaimier ma’ Hamrun Spartans għadha miftuħa.

Miktub minn...
TVM Sport