Handball
Handball: Malta bl-ewwel partita mill-EHF Euro 22 kontra l-Ġorġja, il-Ġimgħa, fis-19.30, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera

Malta se tospita wieħed mill-gruppi ta’ kwalifikazzjoni tal-Ewropa tal-handball bil-partiti li jibdew il-Ġimgħa li ġej.

Fl-EHF Euro 22 Qualifier li se jsir f’pajjiżna, it-tim nazzjonali Malti se jilgħab fi grupp kontra l-Ġorġja, l-Ażerbajġan u Ċipru.

Ir-rebbieħ ta’ dan il-grupp jikkwalifika biex jilgħab it-tieni fażi tal-kompetizzjoni li finalment, min jibqa’ għaddej sal-aħħar, isir iċ-Champion tal-Ewropa tal-handball.

Din hi l-aktar kompetizzjoni ta’ prestiġju tal-handball li qatt saret f’Malta sa mill-1995, is-sena li ġiet iffurmata l-Assoċjazzjoni tal-handball Maltija, li llum, fis-sezzjoni tal-irġiel, għandha membri magħha ħames klabbs.

Louis Borg, President tal-Malta Handball Association, irringrazzja lil SportMalta tal-għajnuna li taw lill-Assoċjazzjoni, anki permezz tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, li se jsiru l-partiti fih.

Borg qal li dan it-tournament se jkun ta’ esperjenza kbira u unika għall-plejers Maltin għax bis-saħħa tiegħu, il-plejers se jkunu qed jilagħbu kontra oħrajn ta’ livell aktar għoli u professjonali.

Orlando Bonnici, Kap tal-Kumitat Organizzattiv ta’ dan it-tournament, qal li jixtieq li dan it-tournament iservi wkoll bħala spinta ‘l quddiem għall-handball f’Malta.

Bonnici qal li t-timijiet avversarji se jiġu f’pajjiżna bl-aqwa plejers li għandhom bil-mira li jikkwalifikaw u jibqgħu għaddejjin sal-aħħar tal-kompetizzjoni.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-handball spjegat li l-wiċċ li tpoġġa fuq l-art tal-Kumpless Sportiv fil-Kottonera ġie mogħti lilhom bħala donazzjoni mill-Assoċjazzjoni Sportiva tal-handball Ewropea u li wara dawn il-partiti, dan se jinqala’ u jitpoġġa fuq art oħra li ngħatat lill-Assoċjazzjoni Maltija f’Santa Venera.

It-tim nazzjonali Malti mmexxi mill-kowċ Joseph Tanti jiftaħ l-impenji tiegħu bl-ewwel partita l-Ġimgħa fis-7.30pm kontra l-Ġorġja.

Id-dħul fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera għal dawn il-partiti se jkun mingħajr ħlas.

Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm Andrew Decelis, Viċi President tal-MHA.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Handball

Iċ-ċampjins lokali tal-handball Swieqi Yobetit Phoenix se jipparteċipaw fit-Tazza EHF f’Settembru. It-Tazza EHF hija t-tieni l-iktar kompetizzjoni importanti tal-handball fl-Ewropa, ekwivalenti għall-Europa League tal-futbol. Din hija l-ewwel darba li tim…

Handball

Swieqi Yobetit Phoenix huma ċ-ċampjins il-ġodda tal-handball Malti. Swieqi kellhom staġun mill-aqwa fejn rebħu t-18-il logħba kollha tal-kampjonat b’rekord ta’ kważi 500 gowl. Skont il-President tas-Swieqi Handball Club, Orlando Bonnici,…

Handball

Kollox jinsab lest biex pajjiżna jospita l-partiti ta’ kwalifikazzjoni tal-European Handball Federation (EHF) għall-Kampjonati Ewropej tal-2022. Dawn il-logħbiet huma skedati għal bejn il-11 u t-13 ta’ Jannar fil-Cottonera Sports Complex,…

Aktar