BOV Premier League 2021/22
Hibernians jilħqu lil Valletta u Birkirkara fil-quċċata

KAMPJONAT BOV PREMIER 2021/22

Hibernians…………2

Gudja United……..1

Hibernians kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Gudja United sabiex telgħu jaqsmu l-ewwel post flimkien ma’ Valletta u Birkirkara.

Hibernians ħolqu l-ewwel azzjoni tal-logħba fit-3 minuta fejn kien il-gowlkiper ta Gudja United Glenn Zammit li laqa’ tajjeb xutt b’saħħtu mill-viċin ta’ Thaylor għal Hibernians.

Żewġ minuti wara, kontrattakk tajjeb ta’ Gudja, ballun għand Tensior Guzman li qabeż il-gowlkiper u ttanta xortih iżda difensur ta’ Hibernians tefa’ l-ballun għall-korner.

Fit-18-il minuta, frikik tajjeb ta’ Erjon Beu u daqqa ta’ ras ta’ Ferdinando Apap għal Hibernians bil-keeper Gudjan Zammit li reġa’ kien attent.

Fl-34 minuta, xutt minn barra l-kaxxa ta’ Wilfried Domoraud għal Hibernians kien ċentrali bi Glenn Zammit li laqa’ tajjeb.

Fis-37 minuta, Hibernians ħasdu l-frott għal dak li kienu ilhom jaħdmu għalih hekk kif marru fil-vantaġġ. Kien kross ta’ Thaylor li sab lil Gabriel Izquier li waħdu quddiem Zammit ma żbaljax.

Fl-40 minuta, il-Pawlisti kienu viċin li jirduppjaw l-iskor meta kien Jake Grech li avvanza tajjeb filwaqt li xxuttja b’Zammit jilqa’ tajjeb sabiex mir-ribawnd kien Wilfried Domoraud li ra x-xutt tiegħu jistampa mal-wieqfa.

Bl-ewwel taqsima li ntemmet b’Hibernians 1-0 minn fuq.

Gudja United fetħu bl-aqwa mod it-tieni taqsima hekk kif ġabu l-iskor indaqs. Dan kollu ġara fil-50 minuta hekk kif minn azzjoni ferm veloċi, kien Gabriel Mensah li xeħet fir-rokna tax-xibka għall-gowl tad-dro.

Protesti ħorox minn Hibernians fis-57 minuta wara li gowl ta’ Erjon Beu kien imħassar hekk kif skont l-assistent referi l-plejer Pawlist kien f’pożizzjoni ta’ offside.

It-tim minn Raħal Ġdid kompla jattakka u reġa’ kien żvinturat li m’għamluhomx 2-0 meta fl-84 minuta xutt ta’ Almeida ħabat mal-lasta.

U proprju meta kollox kien jidher li l-logħba se tispiċċa fi dro, wasal dak il-gowl li ddeċieda l-logħba. Kien kross mil-lemin, pront daħal Jake Grech li baqa’ jinsisti u fil-pront spara l-ballun fix-xibka.

BOV Plejer tal-Logħba: Gabriel Mensah ta’ Gudja United

Referi: Matthew Degabriele.

Hibernians: Ibrahim Kone, Ferdinando Apap, Leandro Almeida, Raphael Dos Anjos, Jake Grech, Dunstan Vella, Erjon Beu, Brian Thaylor, Andrei Agius, Gabriel Izquier, Wilfried Domoraud.

Gudja United: Glenn Zammit, Louis Beland-Goyette, Rodolfo Soares, Tensior Guzman, Llywelyn Cremona, Filip Pankarican, Gabriel Mensah, Neil Tabone, Romero Zuniga Farid, Justin Grioli, Igor Dudarev.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.