Futbol internazzjonali
Hibernians jirbħu f’San Marino b’doppjetta ta’ Jake Grech

FOLGORE ……………………… 1

HIBERNIANS ………………… 3

Hibernians għelbu lil Folgore 3-1 f’San Marino biex għamlu pass kbir ‘l quddiem lejn il-kwalifikazzjoni għat-tielet rawnd tal-Europa Conference League. Hibernians sofrew gowl fil-bidu iżda wettqu reazzjoni tajba u fit-tieni taqsima iddominaw il-logħba biex rebħu meritatament u m’għandhomx ifallu ġimgħa oħra fir-ritorn f’Ta’ Qali.

Folgore marru fil-vantaġġ fl-ewwel azzjoni wara ħames minuti meta daqqa ta’ ras ta’ Fedeli għelbet lil Nicky Vella li żelaq u ma setax jintervjeni. Reazzjoni ta’ Hibs kienet immedjata u fit-13-il minuta kien Jurgen Degabriele li skorja gowl sabiħ b’xutt bid-dawra minn tarf il-kaxxa.

Hibernians dawwru r-riżultat fis-26 minuta meta minn kross ta’ Degabriele kien hemm daqqa ta’ ras ta’ difensur ta’ Folgore bil-ballun jasal għand Jake Grech li b’semi rovexxata sab ix-xibka. Fis-37 minuta ċans tad-deheb għal Hibernians li jiskorjaw it-tielet gowl iżda Domoraud waħdu quddiem il-lasta xeħet ftit barra.

It-tieni taqsima kienet iktar kwieta bit-tim ta’ Hibernians jikkontrolla mingħajr diffikulta lill-avversarji. Fis-70 minuta Kristensen kellu opportunita’ tad-deheb iżda waħdu quddiem il-lasta xeħet inkredibilment barra.

Żewġ minuti opportunita’ oħra f’saqajn Degabriele u xutt ftit barra. Hibernians issa kienu qed jiddominaw u fit-83 minuta għalqu l-logħba bit-tieni gowl ta’ Jake Grech li b’xutt fil-baxx għeleb lil Lombardi.

Miktub minn...
Chris Cassar