Futbol lokali
Hibernians jitfgħu lil Sliema f’aktar inkwiet

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/2020

Hibernians……………….1

Sliema W…………………0

Hibernians kienu favoriti li jieħdu t-tliet punti meta ħaduha kontra Sliema li min-naħa tagħhom qed jiddiżappuntaw ferm. Il-Blues kienu jinsabu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika, pożizzjoni li ħadd qatt ma stenna. Huma ġejjin minn tliet telfiet konsekuttivi inkluż l-aħħar waħda kontra Mosta fejn tilfu fl-aħħar minuta tal-partita.

Hibernians min-naħa tagħhom kienu jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika bi 13-il punt minn tmien logħbiet.

Kienu Sliema li ħarġu tajjeb u fl-10 minuta wara kross mil-lemin, kien Jonathan Pearson li mattar siequ u xxuttja b’Marko Jovicic jilqa’ tajjeb.

Fl-24 minuta xutt bid-dawra ta’ Jake Grech għal Hibernains għadda kemm kemm barra.

Fil-31 minuta cross shot ta’ Gabriel Izquier ta’ Hibernians kien xi ftit perikoluż b’Entonjo Elezaj jilqa’ tajjeb.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq fi dro ta’ 0-0.

Fit-53 minuta kien Seydou Sow għal Sliema  li wara li avvanza tajjeb ixxuttja wisq dgħajjef quddiem il-gowlkiper.

Minuta wara kien hemm daqqa ta’ ras ta’ Imanol Irriberri ta’ Hibs b’Elezaj jilqa’ b’mod komdu.

Sabiex fit-58 minuta, Hibernians marru fil-vantaġġ. Kien kross tajjeb ta’ Dunstan Vella bil-ballun jgħaddi minn qalb diversi saqajn u jispiċċa fir-rokna tax-xibka.

Fis-66 minuta xutt ta’ Joseph Mbong ta’ Hibernians b’Elezaj jilqa’ tajjeb.

Biex l-affarijiet ikomplu jiġu ħażin għal Sliema, huma spiċċaw b’raġel anqas wara li tkeċċa Mark Scerri b’karta ħamra diretta.

Sliema ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda d-difiża ta’ Hibernians żammet sod sabiex ħarġu bit-tieni rebħa konsekuttiva. Għal Sliema l-affarijiet xejn m’huma sejrin tajjeb u baqgħu f’pożizzjoni xejn sabiħa fil-klassifika.

HIBS Marko Jovicic, Timothy Tabone Desira, Ferdinando Apap, Marcio Leandro Barbosa da Silveira, Joseph Mbong, Jake Grech (Jens Wemmer 69 min)  Dunstan Vella, Gabriel Izquier Artiles, Andrei Agius, Leonardo Nanni, (Bjorn Kristensen 85 min), Imanol Iriberri.

SLIEMA Entonjo Elezaj, Kurt Shaw, Jonathan Pearson (Gareth Barone 90 min), John Mintoff, Mark Scerri, Claudio Zappa (Stanimir Miloskovic 67 min) Juri Cisotti, Robert Carvajal,  Edmond Agius (Alexander Satariano 67 min) , Seydou Sow, Claudio Pani,

Imwissija: Ferdinando Apap (H), Robert Carvajal, Seydou Sow (S)

Imkeċċi: Mark Scerri (S)

Skorja: Ferdinando Apap 58 min (H)

BOV Plejer tal-Logħba: Dunstan Vella ta’ Hibernians
Referi: Malcolm Spiteri

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

It-telfa ta’ 2-1 ta’ Malta kontra n-Norveġja f’Ta’ Qali nhar it-Tnejn kienet l-aħħar waħda ta’ Ray Żażu Farrugia fit-tmexxija tat-team nazzjonali Malti. Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Malta Football Association ħabbret…

Futbol lokali

KAMPJONAT EWROPEW U21 – GRUPP 8 TA’ KWALIFIKAZZJONI DANIMARKA….5 MALTA…………..1 Telfa kerha għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena kontra d-Danimarka bi skor ta’ 5-1 f’partita minn Grupp 8 ta’…

Futbol lokali

Telfa ta’ 2-0 għal Malta fil-partita minn Grupp 6 tar-rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena kontra Ċipru. Il-gowls ta’ Ċipru waslu fit-tieni taqsima fil-51 minuta minn Nicolasou…

Futbol lokali

Fi tmiem din il-ġimgħa ngħata bidu għall-kampjonat tal-Mini Football li qed jiġi organizzat għall-ewwel darba mill-Malta Mini Football Association u li qed jintlagħab fil-grawnd tal-8-a-side tal-Marsa. Tmien timijiet qed jieħdu…

Aktar