Sport Lokali
Hockey: Jissoktaw il-preparamenti tat-tim nazzjonali għal Eurohockey Tournament

It-tim nazzjonali Malti tal-hockey immexxi minn Andre Ghio qed jipprepara bis-sħiħ sabiex jieħu sehem fil-kampjonati tat-tielet diviżjoni EuroHockey li se jsiru fil-belt Portugiża ta’ Lousada bejn l-1 u s-7 t’Awwissu li ġej.  

TVM Sport żar sessjoni ta’ taħriġ li saret it-Tnejn filgħaxija fil-Kumpless tal-Hockey f’Ħal Qormi. Ghio għażel skwadra ta’ 18-il plejer li kienu qed jitħarrġu bis-sħiħ sabiex ikunu lesti għal din il-kompetizzjoni.  

Oriġinarjament Malta kellha tospita l-kampjonati tar-Raba’ Diviżjoni EuroHockey iżda minħabba li kien hemm tliet timijiet li rtiraw mill-kompetizzjoni l-pjanijiet kollha li saru taru mar-riħ. Kien għalhekk li l-EHF stiednet lil Malta sabiex tieħu sehem f’turnament ta’ kategorija ogħla fil-Portugall. Minkejja kollox il-kowċ Andre Ghio jinsab fiduċjuż li t-tim tiegħu se jagħti qalbu sabiex jipproduċi wirjiet tajbin.  

Min-naħa tiegħu, il-captain Joseph Cuschieri huwa konxju mill-qawwa tal-avversarji li se jaffaċċjaw għalkemm lesti għal din il-kompetizzjoni wara numru ta’ ġimgħat jitħarrġu għaliha.  

Malta jiftħu l-impenji tagħhom f’dan it-turnament fit-2 t’ Awwissu hekk kif jilagħbu kontra t-Turkija filwaqt li jumejn wara jkunu impenjati kontra l-Belarus.  

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'