Futbol lokali
Ħu Diego Maradona ġej Malta

Hugo, ħu Diego Maradona, se jiġi Malta biex jmexxi training camp għat-tfal Maltin u Għawdxin. Dan it-training camp se jsir bejn il-Ħamis 16 u l-Ħadd 19 ta’ Diċembru. Hugo Hernan Maradona huwa ex player tat-team nazzjonali Arġentin taż-żgħażagħ u ex player ta’ Ascoli fis-Serie A fl-Italja, Rayo Vallecano fi Spanja, Rapid Vienna fl-Awstrija u Argentinos Juniors fl-Arġentina. Dan barra li lagħab ma’ clubs oħra f’diversi kontinenti. Hugo, jiġi ħu l-player leġġendarju Diego Armando Maradona li ħalliena s-sena li għaddiet, u li ħafna jsostnu li minn dejjem kien wieħed mill-aktar aħwa viċin ta’ Diego. 

Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, Hugo Maradona se jmexxi sessjonijiet ta’ taħriġ għat-tfal fiċ-ċentru tal-klabb ta’ Ħal Qormi. Dawn se jkunu miftuħa għal tfal minn taħt id-disgħa sa taħt il-ħmistax -il sena. Iż-żjara ta’ Hugo Hernan Maradona f’pajjiżna se tkun possibbli grazzi għall-intervent u l-ħidma ta’ Dr Kenneth Vella, li barra li għal ħafna snin ilu involut fil-ġurnaliżmu sportiv huwa wkoll l-ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja. 

“Kien ftit tal-ġimgħat ilu meta avviċinajt lil Kenneth u tlabtu l-assistenza tiegħu biex intellgħu dan il-camp f’pajjiżna. Grazzi għall-kuntatti tiegħu mhux biss fl-Italja iżda anki fil-pajjiżi Nordiċi u oħrajn rnexxielna niggarantixxu li Hugo jżur Malta u jmexxi dan il-camp li se jkun miftuħ għal diversi tfal u mhux biss Qriema. Hugo se jkun assistit minn coaches diversi mhux biss dawk minn ħdan in-nurseries ta’ Ħal Qormi iżda anki oħrajn, fosthom ukoll l-ex player tat-team nazzjonali Malti Andrew Cohen li dan l-aħħar beda’ esperjenza fil-coaching ukoll. Tfal li jieħdu sehem se jingħataw ukoll kit tal-okkażjoni,” tenna Redino Apap, Segretarju Ġenerali ta’ Qormi FC.

Min naħa tiegħu, Kenneth Vella qal li Hugo Maradona mill-ewwel aċċetta li jżur pajjiżna u joffri s-servizzi tiegħu bħal kif għamel fl-aħħar snin f’Napli l-Italja, fejn hu direttament involut fit-tmexxija ta’ skejjel tal-football u anki assista clubs f’pajjiżi Nordiċi. Vella żied jgħid ukoll li Maradona talab biex xi postijiet ikunu anki riservati għal tfal fil-bżonn. “Matul iż-żjara tiegħu f’Malta Hugo Maradona se jkollu wkoll iċ-ċans li jiltaqa’ ma’ uffiċjali tat-tmexxija tal-pajjiż u anki mal-ġurnalisti. Żgur li se tkun opportunita’ anki biex jitkellem dwar il-karriera ta’ ħuh Diego u t-trobbija tagħhom. Barra din l-inizjattiva, bħalissa bħala ambaxxata qiegħed naħdmu wkoll biex inwaqqfu kuntatt bejn clubs Maltin u oħrajn Nordiċi speċjalment fl-Estonja u l-Finlandja. Kien ta’ pjaċir għalina li nassistu lil Qormi FC,” ikkonferma Vella. 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.