Ibburdjar
Ibburdjar: Ir-rebħa tal-jott Wild Oats XI għal sena oħra tinsab f’kontroversja

Ir-rebħa tas-super-maxi jott Wild Oats XI reġgħet qiegħda f’nofs kontroversja, wara li issa, l-iskipper Mark Bradford u s-sid Peter Harburg tal-jott Black Jack qegħdin jipprotestaw li l-jott Wild Oats XI ma kellux l-Automatic Identification System (AIS) il-ħin kollu mixgħula.

It-tim tal-Wild Oats XI diġa’ kellhom esperjenza qarsa fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, meta wara li daħlu fl-ewwel post u anke kisru r-rekord tat-tellieqa, huma spiċċaw qalgħu penali ta’ siegħa minħabba li kwarta mill-bidu tat-tellieqa kienu ser jaħbtu mal-jott Comanche u dawn protestaw wara t-tellieqa, bil-protest tagħhom ikun milqugħ u allura l-Wild Oats XI spiċċaw mhux talli ma kisrux ir-rekord imma lanqas rebħu t-tellieqa.

Fit-tellieqa ta’ din is-sena, li baqgħet missielta mill-bidu sal-aħħar, il-jott Wild Oats XI mar fuq quddiem fl-aħħar 4 sigħat meta qabeż lill-Comanche li dak il-ħin kienu l-ewwel. Il-jott Comanche spiċċa fit-tielet post wara li kien maqbuż mill-Black Jack, u huwa għalhekk li l-ekwipaġġ tal-Black Jack qegħdin jipprotestaw, bit-tama li l-Wild Oats XI jerġa’ jkollhom penali oħra u allura jkunu huma li jirbħu t-tellieqa. Huma qegħdin jisħqu li l-AIS suppost kellha tkun mxigħula matul it-tellieqa kollha, kif jgħidu r-regolamenti, imma dan ma seħħx fuq il-jott Wild Oats XI.

Is-sid tal-Black Jack, Peter Harburg qal, “Ir-regoli jgħidu li kull jott irid ikollu l-AIS mixgħul u dan ifisser li ma jkun hemm l-ebda sigrieti u ħabi. Bl-AIS kulħadd ikun jaf l-ieħor fejn qiegħed, b’kemm knots ikun għaddej, u f’liema direzzjoni jkun sejjer. Jekk tirbaħ it-tellieqa għandek tirbaħha skont ir-regolamenti biex tkun rebħa ġusta.”

L-iskipper tal-Wild Oats XI, Richards qal li l-protest tal-jott Black Jack huwa “a storm in a teacup.” Qal li huma ħallew l-AIS mixgħul il-ħin kollu, u lanqas li kieku le, il-jotts kienu qrib xulxin matul it-tellieqa kollha, tant li l-ħin kollu kienu qegħdin jaraw wieħed lill-ieħor. Il-Wild Oats XI rebaħ din it-tellieqa f’ġurnata, 19-il siegħa, 7 minuti u 21 sekonda. Il-jott Black Jack daħal 28 minuta wara, segwiet minn Comanche u Infotrack.

L-erba’ super-maxi jotts kienu qegħdin jaraw lil xulxin x’ħin waslu fix-xmara Derwent, u jidher li d-deċiżjoni tal-iskipper tal-Wild Oats XI li matul il-lejl jieħu rotta xi ftit itwal mill-oħrajn tat ir-riżultati mixtieqa. Skont Richards, huma ġibdu ftit aktar lil hemm mill-oħrajn sabiex imbagħad jaqbdu aktar ir-riħ u kienu fortunati li seħħ kif ħasbu u b’hekk ħarġu rebbieħa.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Ibburdjar

Il-Malta Cruising Club se jorganizzaw l-International Siracusa Cruise bejn is-Sibt 27 ta’ Lulju u s-Sibt 3 ta’ Awwissu. Id-distanza ta’ 85 mil nawtiku bejn Malta u Siracusa se tinqasam f’żewġ…

Ibburdjar

Is-super-maxi jott Awstraljan Wild Oats XI rebaħ id-disa’ unur tiegħu fit-tellieqa Sydney – Hobart kmieni l-Ġimgħa filgħodu. Din kienet waħda mill-aktar tlielaq missielta li seħħew fl-aħħar snin, bil-jott Awstraljan jaqbeż…

Ibburdjar

Is-super-maxi jott minn Hong Kong, Scallywag, spiċċa kellu jirtira mit-tellieqa Sydney – Hobart meta kien jinsab fir-raba’ post. Il-jott li huwa ta’ Seng Huang Lee irnexxielu jaqbeż Sydney Heads meta…

Aktar