
Isabelle Joschke ta’ 43 sena, kellha tirtira mit-tellieqa Vendee Globe wara li kienet fuq quddiem fil-kategorija tagħha. Joschke kellha tħabbar li ser tirtira minħabba problemi fil-jott li ma setgħux jiġu rranġati. Isabelle għandha ċittadinanza doppja, Franċiża u Ġermaniża, u kienet tinsab fil-11-il post fil-klassifika inġenerali, u l-ewwel fil-kategorija femminili.
Joshcke kellha tirtira wara 62 ġurnata fuq il-baħar u meta kienet tinsab 1,100 mil nawtiku fil-Lvant tal-kosta Arġentina. Isabelle Joschke kienet ilha ġimgħa tipprova tkampa bi problemi fil-jott, imma ma setgħet tagħmel xejn aktar ħlief tirtira u tibda r-ritorn tagħha fil-port wara sebat ijiem tissielet.
Il-Franċiż Yannick Bestevan jinsab fuq quddiem, kważi 206 mili nawtiċi fuq Charlie Dalin li jinsab fit-tieni post, li min-naħa tiegħu naqqas madwar 400 mil nawtiku żvantaġġ li kellu mill-ewwel post. Il-Franċiż Damien Seguin jinsab fit-tielet post.