Ibburdjar
Ibburdjar: kollox indaqs anke wara t-tieni ġurnata tas-serje finali għall-America’s Cup

Ibburdjar: kollox indaqs anke wara t-tieni ġurnata tas-serje finali għall-America’s Cup: bil-holders Team Emirates New Zealand u l-isfidanti Luna Rossa jirbħu tellieqa kull wieħed illum għal draw kumplessiv ta’ 2-2 minn erbat itlielaq s’issa.

Ir-rebbieħ ta’ din l-eqdem u l-iktar tazza prestiġjuża fl-isport tal-ibburdjar ikun il-jott li jasal l-ewwel għal seba’ rebħiet.

F’riħ ħafif, kienu t-Taljani ta’ Luna Rossa li ħadu l-ewwel tellieqa dalgħodu fl-ibħra ‘l barra mill-kapitali ta’ New Zealand, Auckland. Huma daħlu quddiem Team Emirates fil-bidu u baqgħu hemm sal-aħħar b’distakk ta’ 37 sekonda.

Team New Zealand wieġeb billi għamel l-istess fit-tieni tellieqa, li rebaħ 63 sekonda qabel Luna Rossa, l-iktar rebħa ċara mill-erbgħa s’issa biex qawwa t-tamiet tal-partitarji home li jżomm it-Tazza.

S’issa dejjem kien il-każ li minn beda quddiem, rebaħ.

Iż-żewġt itlielaq li jmiss huma skedati għal sbieħ għada u jistgħu jiġu segwiti sħaħ fuq TVM2 mis-7:30 ta’ filgħodu ‘l quddiem.

Miktub minn...
Rodney Vassallo