Ibburdjar
Ibburdjar: L-America’s Cup fuq TVM2

Tliet jottijiet mil-lejl li ġej jibdew jisdfidaw lil xulxin biex eventwalment wieħed minnhom jisfida lill-Emirates Team New Zealand għas-36 edizzjoni tal-America’s Cup: l-eqdem u l-iktar kompetizzjoni prestiġjuża fil-kalendarju internazzjonali tal-ibburdjar.

L-isfidanti huma INEOS Team UK mir-Renju Unit, Luna Rossa Prada Pirelli Team tal-Italja, u American Magic tan-New York Yacht Club mill-Istati Uniti.

It-tliet jottijiet se jtellqu ras imb’ras fuq bażi ta’ round robin bejn issa u t-22 ta’ Frar fl-ibħra ‘l barra mill-kapitali ta’ New Zealand, Auckland.

Il-jottijiet li huma kollha tal-istess tul u għamla, jużaw it-teknoloġija tal-hydrofoils biex jinqatgħu mill-ilma u jtellgħu veloċitajiet ‘il fuq minn 50 knot jew aktar minn 93 kilometru fis-siegħa.

Apparti l-unur li jikkompetu għall-America’s Cup f’Marzu, ir-rebbieħa taċ-Challenger Series sejrin ukoll għall-ewwel darba jirbħu il-Prada Cup.

L-ewwel tellieqa li tibda fit-3 ta’ filgħodu ħin ta’ Malta hija bejn American Magic u INEOS Team UK.

Is-sensiela kollha ta’ tlielaq se tkun qed tintwera fuq TVM2 f’ħinijiet varji matul il-ġurnata.

Miktub minn...
TVM Sport