Ibburdjar
Ibburdjar: Żewġ timijiet jingħataw il-permess jidħlu fi New Zealand

Żewġ timijiet li ser ikunu qed jisfidaw lil xulxin fl-America’s Cup kmieni s-sena d-dieħla ngħataw il-permess li jidħlu fi New Zealand biex jibdew il-preparamenti tagħhom. It-timijiet ta’ American Magic u INEOS Team UK għandhom aktar minn 400 persuna magħhom, u barra dawn, mal-214-il membru tal-familja tal-ekwipaġġ ser jingħataw eżenzjoni sabiex jivvjaġġaw lejn New Zealand.

Skont il-Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku ta’ New Zealand Phil Twyford, jekk dawn iż-żewġ timijiet ma jingħatawx il-permess mill-pajjiż sabiex jibdew il-preparamenti, allura l-America’s Cup ma tkunx tista’ ssir is-sena d-dieħla. Il-permess ser jingħata għaliex it-timijiet iridu jippreparaw il-bażi tagħhom, jiddisinjaw u jittestjaw il-jottijiet li ser itellqu bihom. Ix-xahar li għadda ż-żewġ timijiet kienu nkwetati li jekk mhux ser jingħataw permess biex jidħlu fi New Zealand minħabba l-pandemija, allura kienet ser tkun impossibbli biex jieħdu sehem fir-regatta t’Auckland is-sena li ġejja.

Kien f’Marzu li għadda li New Zealand għalaq il-konfini tiegħu, u huma biss in-nies irreġistrati fil-pajjiż li jistgħu jidħlu lura f’pajjiżhom. Aktar m’għaddew il-ġimgħat u x-xhur u l-effett tal-pandemija naqas anke fuq New Zealand, il-Gvern beda jirrilaxxa xi miżuri, tant li anke ħalla jidħlu ħaddiema li huma essenzjali għall-ekonomija tal-pajjiż. Pereżempju, aktar minn 50 ħaddiem li qed jaħdmu fuq il-film ‘Avatar 2′ ingħataw il-permess ix-xahar li għadda sabiex jidħlu fil-pajjiż.

New Zealand qed jistenna li jdaħħal aktar minn $64 miljun f’benefiċċji ekonomiċi minħabba l-America’s Cup li ser tibda f’Jannar li ġej. F’din ir-regatta ser jieħdu sehem erba’ timijiet ġejjin mill-Italja, l-Ingilterra u l-Istati Uniti tal-Amerka. Min jirbaħ din ir-regatta jtellaq kontra Team New Zealand f’Marzu 2021.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Ibburdjar

Il-Mapfre Middlesea Euromed Regatta, ospitata mill-Malta Young Sailors Club taħt l-aswpiċji tal-Malta Sailing Federation ġiet fi tmiema l-Ħadd wara nofshinar meta saru l-aħħar tlielaq tal-Kampjonat ġewwa il-bajja tal-Mellieħa.  L-Uffiċjal tat-Tellieqa…

Ibburdjar

Il-Malta Cruising Club se jorganizzaw l-International Siracusa Cruise bejn is-Sibt 27 ta’ Lulju u s-Sibt 3 ta’ Awwissu. Id-distanza ta’ 85 mil nawtiku bejn Malta u Siracusa se tinqasam f’żewġ…

Aktar