Atletika
Iċ-champion Olimpiku Haile Gebrselassie lest imut għal pajjiżu

Iċ-champion Olimpiku Haile Gebrselassie wiegħed li ser jiġġieled kontra l-qawwiet ribelli li hemm fl-Etjopja bħalissa. Ir-rebbieħ tal-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi qal li qed jingħaqad mal-Prim Ministru ta’ pajjiżu fi ġlieda frontali ma’ dawk li qed joħolqu nkwiet u paniku madwar il-pajjiż.

Haile Gebrselassie għandu 48 sena u fil-karriera tiegħu waqqaf 27 rekord f’distanzi twal fl-atletika. F’kummenti li ta lill-Aġenzija Reuters, Haile qal li qed jingħaqad f’din il-ġlieda għax l-eżistenza tal-Etjopja tinsab f’riskju serju. Filwaqt li kkonferma li l-isport idur mal-paċi u l-imħabba, spjega kif il-forzi tat-Tigrayan u l-alleati tagħhom qed joħolqu nkwiet serju, u jekk kemm-il darba jippruvaw jieħdu taħt idejhom il-kapitali Addis Ababa, l-Etjojpa tikkrolla.

Il-kunflitt bejn il-Gvern Etjopjan u l-qawwiet Tigrayan ilu għaddej sena sħiħa, u sfortunatament mietu eluf ta’ nies fi ġlied kontinwu. Maż-żewġ miljun ruħ kellhom iħallu darhom u jeżiljaw ruħhom filwaqt li l-400,000 resident li baqgħu jgħixu f’Tigray qed ibatu l-ġuħ.

F’intervista li ta mill-uffiċċju tiegħu fil-kapitali, Gebrselassie kkonferma li qed jingħaqad mal-Prim Ministru Abiy Ahmed, u dan sabiex isalva lil pajjiżu. Haile kien ċar, u qal li jinsab konxju li dan kollu jista’ jiswielu ħajtu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA