Futbol lokali
Id-deċiżjoni finali dwar Hamrun Spartans fil-UEFA Champions League għat-Tnejn li ġej

Hamrun Spartans jinsabu fuq ix-xwiek jistennew id-deċiżjoni finali tal-Bord tad-Dixxipplina tal-UEFA dwar il-futur tagħhom fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej.

TVMSport jista’ jikkonferma li ċ-champions tal-futbol Malti se jingħataw din id-deċiżjoni t-Tnejn li ġej, 7 ta’ Ġunju.

Fl-aħħar sigħat, Hamrun Spartans ġew infurmati mill-UEFA li l-każ tagħhom beda jinstema’, fost diversi każijiet oħra simili ta’ klabbs Ewropej oħra.

Il-UEFA, bħal f’kull każ ieħor, qabdet persuna biex tevalwa s-sitwazzjoni ta’ Hamrun Spartans ta’ meta kien seħħ il-każ aktar minn tmien snin ilu u s-sitwazzjoni preżenti tal-klabb. Din il-persuna għalqet dan ix-xogħol tagħha lbieraħ u issa marret lura fil-UEFA bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

Bejn staġun u ieħor, il-UEFA dejjem taħtar Bord magħmul apposta li jieħu deċiżjonijiet fuq materji varji dwar jekk klabb jistax jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

TVMSport għamel kuntatt ma’ Marcel Bonnici, Kap Eżekuttiv ta’ Hamrun Spartans, li min-naħa tiegħu kkonferma li beda dan il-proċess.

“Nikkonfermalek li beda l-proċess. Ġejna infurmati mill-UEFA li se nirċievu d-deċiżjoni finali t-Tnejn li ġej, 7 ta’ Ġunju. S’issa għadna ma nafu xejn. Qed nistennew,” qal Bonnici.

Il-każ ta’ Hamrun Spartans imur lura għall-istaġun 2012/13 meta dakinhar, Hamrun kienu relegati u anki tnaqqsulhom 10 punti fl-istaġun ta’ wara dwar każ li kellhom f’partita partikolari tal-Kampjonat Premier. Hamrun Spartans kienu mmultati wkoll €10,000.

Dwar każi simili, jista’ jkun li l-UEFA tissospendi l-klabb involut għal sena fl-ewwel darba li jikkwalifika biex jilgħab f’xi kompetizzjoni tagħha.

Iżda f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-UEFA tqis ħafna affarijiet oħra; fosthom kemm għadda żmien minn meta seħħ il-każ; jekk il-klabb ikunx ħa diġà l-penalizazzjoni u l-kastig; kemm inbiddlu plejers u kemm inbiddlu persuni li jkunu qed imexxu lill-klabb.

Minbarra Hamrun Spartans u d-dilettanti kollha tal-futbol Malti, id-deċiżjoni hi mistennija ħafna wkoll mill-klabbs ta’ Hibernians u Mosta.

Jekk Hamrun Spartans jiġu skwalifikati milli jieħdu sehem fl-istaġun li ġej, ikunu Hibernians li bit-tieni post jipparteċipaw fil-UEFA Champions League u jkunu Mosta li jipparteċipaw fil-UEFA Conference League bħalha t-tim li spiċċa fis-sitt post tal-klassifika fl-istaġun li għadda. Sliema Wanderers temmew fil-ħames post iżda ma nħarġitilhomx il-liċenzja tal-UEFA.

Miktub minn...
TVM Sport