Olimpijadi TOKYO 2020
Id-delegazzjoni Awstraljana tasal Tokjo fost stennija kbira dwar id-deċiżjoni ta’ nhar l-Erbgħa li ġej

Id-delegazzjoni Awstraljana waslet Tokjo kmieni t-Tnejn filgħodu bi stennija kbira mhux biss għall-Olimpjadi li ser jibdew erbat ijiem oħra, imma wkoll għad-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali dwar min ser jospita l-Olimpjadi 2032.

Nhar l-Erbgħa li ġej, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, ser jagħżel il-belt li ser tospita l-Olimpjadi fl-2032 u l-belt Awstraljana ta’ Brisbane tinsab fuq quddiem biċ-ċans li tospita dik l-edizzjoni.

Il-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali approva l-offerta ta’ Brisbane, filwaqt li l-Indonesja, Budapest, iċ-Ċina, Doha u l-belt Ġermaniża ta’ Ruhr kollha wrew interess li jospitaw l-edizzjoni tal-2032 huma. Jekk kemm-il darba tintagħżel il-belt ta’ Brisbane, allura tkun it-tielet belt Awstraljana li ospitat l-Olimpjadi. S’issa, il-bliet ta’ Melbourne u Sydney ospitaw edizzjoni tal-Olimpjadi, fl-1956 u 2000 rispettivament.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA