Futbol internazzjonali
Id-difensur Lucas Hernandez jeħel sitt xhur ħabs fi Spanja

Qorti f’Madrid bagħtet lid-difensur Franċiż ta’ Bayern Munich Lucas Hernandez sitt xhur ħabs. Dan wara li l-Qorti sabitu ħati li m’obdiex l-ordnijiet tagħha wara li kien imressaq għall-allegat vjolenza domestika fuq martu.

Hernandez li għandu 25 sena appella mis-sentenza oriġinali, imma l-appell ma kienx milqugħ mill-Qorti Kriminali f’Madrid. Fil-passat Hernandez kien diġà qala’ żewġ sentenzi kriminali oħra relatati mal-każ tal-2017.

Hernandez irid jidher il-Qorti fid-19 ta’ dan ix-xahar, imbagħad għandu għaxart ijiem ċans biex imur il-ħabs minn jeddu. Jidher li permezz tal-avukati tiegħu, Hernandez reġa’ appella minn din is-sentenza.

Il-każ imur lura għall-2017 meta Hernandez kien akkużat li refa’ idu fuq is-sieħba tiegħu, li llum hija martu, meta kien jilgħab m’Atletico Madrid. It-tnejn li huma kienu weħlu 31 ġurnata ta’ xogħol komunitarju imma kisru l-ordni tal-qorti meta marru għall-qamar il-għasel tagħhom u sfaw arrestati t-tnejn mar-ritorn tagħhom fi Spanja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA