Futbol internazzjonali
Iker Casillas jirtira wara karriera brillanti

L-ex goalkeeper ta’ Real Madrid u Spanja Iker Casillas ħabbar li rtira mill-futbol. Il-goalkeeper li rebaħ żewġ Kampjonati Ewropej u Tazza tad-Dinja rtira fl-età ta’ 39 sena. Casillas kien ilu ma jilgħab għal aktar minn sena għaliex f’Mejju tas-sena li għaddiet kien tah attakk tal-qalb waqt it-taħriġ ma’ Porto u minn hemmhekkm ‘il quddiem ma reġax lagħab logħba oħra.

F’kummenti li kiteb fuq Twitter, Casillas qal li għalih din kienet ġurnata importanti imma wkoll waħda diffiċli għaliex issa wasal il-mument li jsellem lil kulħadd. Qal li jħossu fortunat li rnexxilu jagħmel karriera b’dak li jħobb u li huwa appasjonat għalih.

Il-karriera ta’ Casillas bdiet 30 sena ilu meta ta’ 9 snin beda jitħarreġ, f’karriera li kellha t-tajjeb u l-ħażin tagħha bħal kull ħaġa oħra. Casillas irringrazzja lil dawk kollha li ġie f’kuntatt magħhom fil-karriera b’mod speċjali l-coaches u t-tim tekniku ta’ Real Madrid u Porto.

Real Madrid mal-ewwel ħarġu stqarrija biex juru l-ammirazzjoni, l-affezzjoni u r-rikonoxximent lejn il-goalkeeper li għenhom jirbħu tliet tazzi taċ-Champions League. Fl-istqarrija l-Madrileni qalu li dan kien l-aqwa goalkeeper fl-istorja ta’ Real Madrid u l-futbol Spanjol. Iker Casillas għamel 25 sena jilbes il-flokk ta’ Los Blancos fejn matulhom rebaħ La Liga ħames darbiet, darbtejn it-Tazza tar-Re, erba’ darbiet is-Super Cup Spanjola, il-UEFA Super Cup, il-FIFA Club World Cup u t-Tazza Interkontinentali.

Iker Casillas iżomm ir-rekord tal-aktar plejer li lagħab fiċ-Champions League, 177 darba b’kollox, filwaqt li libes il-flokk tat-tim nazzjonali Spanjol 167 darba. Fl-2010 kien imexxi lil Spanja meta rebħu t-Tazza tad-Dinja, suċċess li wasal eżatt f’nofs ir-rebħ ta’ żewġ Kampjonati Ewropej fl-2008 u l-2012.

L-aħħar logħba ta’ Casillas kienet fis-26 t’April 2019, draw ta’ 2-2 bejn Porto u Rio Ave. Dik kienet il-156 logħba tiegħu ma’ Porto wara li ngħaqad magħhom mis-sajf tal-2015.

Jidher li fil-preżent Iker Casillas jinsab f’kuntatti ma’ Real Madrid sabiex jirritorna f’kariga fl-amministrazzjoni tal-klabb.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra

Futbol tan-Nisa: It-Tlieta t-tim Nazzjonali Malti tal-futbol jkun impenjat f’logħba fis-Centenary Stadium kontra d-Danimarka logħba valida minn Grupp B ta’ kwalifikazzjoni għall-UEFA Women’s EURO 2022. In-nukleu ta’ plejers imsejħa għal…

Fil-partita li ntlagħbet kmieni fin-12.30pm, Napoli jegħlbu barra minn darhom lil Parma bi skor ta’ 2-0. L-ewwel taqsima tintemm mingħajr gowls. Napoli jiftħu l-iskor minn Dries Mertens fit-63 minuta. Lorenzo…

Liverpool jirbħu fi Stambfoird Bridge kontra Chelsea bi skor ta’ 2-0. L-ewwel taqsima li ntemmet mingħajr gowls imma fil-50 minuta r-Reds fil-vantaġġ b’gowl ta’ Sadio Mane. L-istess plejer irdoppa għal…

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-nisa, Mark Gatt, sejjaħ skwadra ta’ 20 plejer għall-partita li Malta trid tilgħab kontra d-Danimarka, it-Tlieta li ġej. Il-partita hi valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-kampjonati Ewropew…

Aktar