Futbol lokali
Ikkonfermata l-liċenzja tal-UEFA lil Floriana
Jilagħbu fl-1 Round tal-UEFA Champions League fit-18 jew 19 t'Awwissu

Il-bord tal-liċenzi tal-MFA ikkonferma d-deċiżjoni li Floriana jirrappreżentaw lil Malta fil-UEFA Champions League l-istaġun li ġej.

Il-konferma tħabbret f’laqgħa tal-kunsill tal-Malta Football Association illejla, bil-president tal-assoċjazzjoni Bjorn Vassallo jgħid li d-deċiżjoni tal-bord kienet unanima.

TVMSport hu nfurmat li fil-laqgħa tal-Kunsill illejla kien hemm battibekki dwar il-validità tal-liċenzja bejn ir-rappreżentanti ta’ Valletta u Gżira Utd, li kienu ressqu l-oġġezzjoni tagħhom lill-MFA abbażi ta’ dawk li sejħu irregolaritajiet finanzjarji, u ta’ Floriana.

Il-club ta’ Floriana ikkonferma l-istess aħbar mogħtija fil-Kunsill fi stqarrija fejn qal li l-liċenzja li nħarġitlu hija valida skont ir-regolamenti tal-UEFA.

Floriana b’hekk se jkunu qed jilagħbu fl-1 Round tal-UEFA Champions League fit-18 jew 19 t’Awwissu. Ir-round se jkun fuq leg wieħed, bit-team li jitla’ l-ewwel fil-polza jilgħab home. Jekk jirbħu Floriana javvanzaw round ieħor, jekk jinqalgħu imorru fl-Europa League.

Il-Kunsill ġie nfurmat li l-MFA tat l-għażla lill-erba’ clubs li se jilagħbu fl-Ewropa: Floriana, Valletta, Hibernians u Sirens: jilagħbux l-Istadium Nazzjonali jew is-Centenary Stadium jekk jitilgħu home. It-timijiet se jkollhom ukoll l-opportunità jittrenjaw fis-Centenary Stadium jew fit-Training Grounds tal-MFA bi tħehhija għall-impenji tagħhom.

Mil-laqgħa tal-Kunsill ħareġ li l-MFA se tkun qed torganizza serje ta’ korsijiet fil-First Aid wara emendi fl-istatut li jesiġu li fil-matchlist għal kull partita kompetittiva, kull club ikollu persuna ċertifikata fl-Ewwel Għajnuna .

Tħabbret id-data għal-Laqgħa Ġenerali tal-MFA li se ssir fid-29 ta’ dan ix-xahar meta għandhom jittellgħu l-poloz tal-kampjonati kollha u se jiġu ppremjati r-rebbieħa tal-awards individwali mogħtija kull sena mill-MFA, fosthom il-Footballer tas-Sena u l-aqwa player u l-aqwa skorer ta’ kull diviżjoni.

Il-membri tal-Kunsill ġew aġġornati wkoll bil-proċess ta’ screening mediku li qed jiġi attwat għar-ritorn għall-attività tat-timijiet nazzjonali: b’kull player u membru tal-istaff ittestjat għall-coronavirus kif ukoll mgħoddi minn eżamijiet kardjo-vaskulari.

Ġie kkonfermat li saru l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza b’mertu għall-players Amadou Samb, Mario Fontanella u Enrico Pepe għall-inklużjoni tagħhom fit-team nazzjonali: waqt li għaddejja riċerka fuq l-eliġibbiltà ta’ players oħra għan-nazzjonali fuq bażi ta’ dixxendenza.

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Valletta kontra Birkirkara hija l-iktar logħba attraenti tal-ewwel ġurnata tal-kampjonat BOV Premier tal-istaġun 2020/21 li se jibda fil-11 ta’ Settembru. Fl-ewwel ġurnata ċ-Champions renjanti Floriana jaffrontaw lil Gżira United. Dan…

Futbol lokali

Il-plejer internazzjonali Malti Joseph Mbong, ftit tal-minuti ilu sar plejer ta’ Hamrun Spartans. Jidher li bejn Hibernians u Hamrun Spartans intlaħaq ftehim dwar iċ-ċifra tat-trasferiment proprju fl-10.15 am meta kien…

Aktar