Olimpijadi TOKYO 2020
Il-belt ta’ Tokjo tingħaqad taħt fjamma waħda għall-Paraolimpjadi li jibdew fl-24 t’Awwissu

L-organizzaturi ta’ Tokjo 2020 żammew ċerimonja simbolika qabel ma ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Paraolimpjadi.

Tliet fjammi differenti miġbura minn 62 reġjun mill-belt ta’ Tokjo ngħaqdu fi fjamma waħda waqt din iċ-ċerimonja li saret il-Ġimgħa.

Skont il-Gvernatur ta’ Tokjo Yuriko Koike, il-fjammi kienu miġbura minn bliet, villaġġi u rħula differenti. Iċ-ċerimonja simbolika nżammet bil-bibien magħluqa minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fil-jiem li ġejjin, il-fjamma ta’ Tokjo ser tingħaqad ma’ fjammi ta’ bliet u reġjuni oħra madwar il-Ġappun sabiex flimkien iqabbdu l-fjamma Paralimpika. Ir-relay bit-torċa olimpika għandha tibqa’ sejra sa dakinhar taċ-ċerimonja tal-ftuħ, l-24 t’Awwissu.

L-istat t’emerġenza fil-belt ta’ Tokjo kellu jieqaf illum, imma ġie estiż sakemm jispiċċaw il-Paraolimpjadi, jiġifieri sal-5 ta’ Settembru. Bħal-Logħob Olimpiku, il-Paraolimpjadi ser isiru mingħajr spettaturi.

Għalkemm in-numru t’atleti u kontinġenti huwa madwar 70% inqas minn dak li kien hemm fl-Olimpjadi, is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-Ġappun marret għall-agħar, b’numri rekord ta’ każijiet ġodda infettati bil-virus qed ikunu rrappurtati ta’ kuljum.

Is-sitwazzjoni qed taffettwa wkoll lill-Villaġġ Paralimpiku, fejn il-Ġimgħa filgħodu kienu kkonfermati 12-il persuna bil-virus tal-Covid-19, fosthom atleta.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA