Futbol internazzjonali
Il-Brażil jirbħu l-Copa America għad-9 darba

Brażil 3  Perù 1

Il-Brażil rebħu l-Copa America għad-9 darba fl-istorja tagħhom meta fil-finali għelbu lill-Perù bl-iskor ta’ 3-1. Il-finali li ntlagħbet fil-Maracana ta’ Rio de Janeiro kienet mimlija emozzjonijiet, bil-Brażiljani jagħlqu l-logħba meta kienu bi plejer inqas.

L-ewwel gowl wasal wara kwarta logħob. Kienu l-Brażil l-ewwel li sabu x-xibka meta mill-cross ta’ Gabriel Jesus, Everton ikkontrolla tajjeb u b’xutt fil-baxx għamel l-iskor 1-0. Fis-36 minuta l-Brażil kellhom ċans jirduppjaw imma d-daqqa ta’ ras ta’ Firmino spċiċat ftit għoli mill-mimduda. U l-Peruvjani approfittaw għaliex fil-41 minuta ngħataw penalty meta difensur avversarju deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. U għalkemm ir-referee Roberto Tobar Vargas saffar għall-penalty, xorta waħda kkonsulta mal-VAR qabel ħa d-deċiżjoni finali, u mill-11-il metru Paolo Guerrero għamel l-iskor 1-1. Imma l-ferħ tal-Peruvjani ma kellux ħajja twila għax mat-tielet minuta fuq il-ħin regolamentari tal-ewwel taqsima, il-Brażil reġgħu marru fil-vantaġġ. Kien Arthur li wara xogħol tajjeb għadda l-ballun lejn Gabriel Jesus li bix-xutt tiegħu għeleb lill-goalkeeper għal 2-1.

Fit-tieni taqsima l-Brażil baqgħu jagħfsu biex jiskurjaw gowl ieħor u kemm Coutinho kif ukoll Firmino resqu viċin li jsibu x-xibka imma t-tentattivi tagħhom dejjem spiċċaw barra. U fis-70 minuta seta’ deher li dak kollu li ħadmu għalih il-Brażiljani kien ser isirilhom suf meta Gabriel Jesus minn eroj spiċċa l-kattiv għaliex dabbar it-tieni karta safra u ħalli lil sħabu jilagħbu bi plejer inqas għall-aħħar 20 minuta tal-logħba. B’gowl wieħed biss differenza u b’superjorità numerika, il-Perù bdew jagħfsu fl-attakk u kellu jkun il-goalkeeper Alisson li żamm lill-Brażil fil-vantaġġ sakemm fid-89 minuta għalqu l-logħba. Din id-darba r-referee Tobar Vargas saffar għall-penalty favur il-Brażil biss xorta waħda ried jaċċerta ruħu bil-VAR u miċ-ċirku fil-kaxxa, Richarlison tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper għal 3-1 biex għalaq il-logħba.

B’din ir-rebħa l-Brażil għollew it-tazza għad-9 darba, meta rebħu din il-kompetizzjoni fl-1919, 1922, 1949, 1989, 1997, 1999, 2004, 2007, 2019.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Jose Mourinho inħatar manager tal-Club tal-Premier Tottenham Hotspur wara li dawn kienu neħħew lil Mauricio Pochettino. L-eks coach ta’ Chelsea u Manchester United fl-Ingilterra ffirma kuntratt sa tmiem L-istaġun 2022-23….

Futbol internazzjonali

Diego Armando Maradona waqaf mit-tmexxija tat-tim Arġentin Gimnasia y Esgrima. Il-waqfa ta’ Maradona ma kenitx daqstant mistennija wara biss xahrejn fil-kariga. F’kummenti li kien ta lill-media aktar kmieni, Maradona kien…

Futbol internazzjonali

Tottenham Hotspur keċċew lill-manager Mauricio Pochettino, sitt xhur wara li wassal lit-tim fil-finali taċ-Champions League. Pochettino kien ilu ħames snin imexxi lit-tim minn Londra, sa mill-2014, u matul it-tmexxija tiegħu…

Futbol internazzjonali

Tiġi fi tmiemha l-fażi tal-gruppi ta’ kwalifikazzjoni għall-EURO 2020 fejn issa huma magħrufa l-ewwel għoxrin tim li ser jieħdu sehem fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla. Wales irnexxilhom jagħmluha għall-EURO 2020 meta f’darhom…

Aktar