Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Brażiljan Antonio Wallace bl-aħħar preparamenti għall-Paraolimpjadi

Il-Brażiljan Antonio Wallace qiegħed jitħarreġ sabiex jieħu sehem fil-Paraolimpjadi t’Awwissu li ġej. Wallace għandu 36 sena u jikkompeti fix-shot put.

Din ser tkun l-ewwel darba li Wallace ser jirnexxilu jagħmilha għall-Paraolimpjadi, u dan wara li rebaħ diversi kompetizzjonijiet f’pajjiżu.

F’kummenti li ta lill-aġenzija Reuters, Antonio Wallace qal li l-aħħar xhur xejn ma kienu faċli. Semma’ kif is-sena li għaddiet kellu jieqaf mit-taħriġ minħabba l-pandemija, spiċċa tilef is-saħħa fil-muskoli u saħansitra żid fil-piż. Qal li kellu jaħdem bis-sħiħ biex jirritorna għal li kien u jkun jista’ jikkompeti.

Fil-passat Wallace kien jaħdem bħala mekkanik, sakemm fl-2007 spiċċa tilef saqajh it-tnejn f’inċident fejn kien jaħdem. Filwaqt li kien qed isewwi vettura, l-apparat idrawliku li jżomm il-karozza maqtugħa mill-art kellu l-ħsara, u f’daqqa’ waħda l-karozza waqgħet fuq saqajh, u ta’ 21 sena spiċċa mingħajr saqajn.

Ħajtu xejn ma kienet faċli għaliex wara l-inċident għadda minn perjodu ta’ dipressjoni, issepara minn mal-mara u kellu ġlieda kontra l-obeżità.

Bl-għajnuna tal-ħbieb u tat-taħriġ, Wallace jgħid li reġa’ kiseb ħajtu lura. Fl-2015 huwa kiser ir-rekord nazzjonali tiegħu stess tliet darbiet fix-shot put, u poġġa ismu bħala wieħed mill-aqwa 4 shot putters fl-Amerika t’Isfel u mal-aqwa sitta fid-dinja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA