Basketball
Il-captain tat-tim Afgan tal-wheelchair basketball tasal Spanja wara li ħarbet minn pajjiżha

Il-captain Afgana tat-tim tal-Wheelchair Basketball tan-Nisa waslet Spanja flimkien ma’ żewġha wara li ħarbu mill-Afganistan. Nilofar Bayat qalgħet li ma setgħux jagħmlu mod ieħor, u ma kien hemm l-ebda futur fl-Afganistan għal żewġha u għaliha. Skont ir-rakkont ta’ Bayat, hi u żewġha qattgħu jumejn f’Kabul fejn spiċċaw imsawta, u anke kellhom tiri sparati qrib tagħhom.

Bayat qalet li sfortunatament tilfu l-bagalji li kienu qed iġorru u allura waslu Spanja b’ta’ fuqhom senduqhom. Qalet li kienu ffortunati li rnexxilhom jaslu sax-xatba militari, fejn imbagħad sabu l-assistenza tal-armata Spanjola li ħadithom b’titjira Dubaj. Minn hemmhekk imbagħad qabdu titjira oħra għall-kapitali Spanjola Madrid.

Nilofar Bayat hija persuna li tinsab f’siġġu tar-roti minħabba li meta kellha sentejn, rokit laqat id-dar tagħhom f’Kabul u weġġgħet ix-xewka ta’ daharha. Bl-istess rokit tilfet lil ħuha li spiċċa mejjet. Ir-raġel ta’ Bayat ukoll weġġa’ b’mina mħawla fl-art.

Mal-wasla tagħhom f’Bilbao, Nilofar qalet li ma setgħux jibqgħu jgħixu taħt it-tmexxija tat-Taliban, u sostniet li dak kollu li nkiseb fl-aħħar għoxrin sena kien għalxejn. Mal-wasla tagħha fil-belt Spanjola, it-tim tal-wheelchair basketball Bidaideak Bilbao BSR, offrewlha kuntratt sabiex tibda tilgħab magħhom.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA