Olimpijadi TOKYO 2020
Il-familjari u l-ħbieb ta’ Jacobs fil-mument li fih it-Taljan rebaħ il-100 metru

Il-familjari u l-ħbieb tal-atleta Taljan Lamont Marcell Jacobs ma setgħux jemmnu lil għajnejhom hekk kif il-Ħadd kmieni filgħodu rebaħ il-100 metru tal-irġiel f’ħin ta’ 9.80 sekondi.

Sal-bieraħ, Jacobs ma kienx daqstant magħruf fl-Italja, aħseb u ara madwar id-dinja. Biss, mis-semifinali huwa wera li ser ikun sfidant ewlieni meta għamel ħin ta’ 9.84 sekondi biex għadda għall-finali.

Wara t-tellieqa tal-Ħadd, Jacobs sar magħruf bħala l-aktar persuna veloċi fid-dinja, fejn rebaħ l-aqwa premju li qatt atleta jista’ jirbaħ, id-deheb waqt Olimpjadi. Jacobs sar l-ewwel rebbieħ ta’ din id-distanza wara l-era ta’ Usain Bolt, fejn anke waqqaf rekord Ewropew bil-ħin tal-bieraħ.

Usain Bolt irtira fl-2017, sena wara li eċċella fl-Olimpjadi ta’ Rio, u għaldaqstant it-track kienet miftuħa beraħ għal kull atleta ieħor biex jeħodlu postu bir-rebħ tal-midalja tad-deheb.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA