Motorsport
Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport tibbenefika minn għotja ta’ €100,000 minn SportMalta

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport se tkun qed tibbenefika minn għotja ta’ €100,000 mill-iskema ta’ Parteċipazzjoni Internazzjonali li hi amministrata minn SportMalta. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, waqt żjara fit-trakka tal-go karts f’Ħal Far waqt il-provi tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting.

Is-Segretarju Parlamentari Grima saħaq kif fl-aħħar snin, permezz ta’ SportMalta, l-assistenza finanzjarja lil diversi setturi sportivi kibret b’mod konsiderevoli. Huwa kompla jgħid li l-assistenza finanzjarja sabiex l-atleti tal-motorsport jipparteċipaw barra minn xtutna żdiedet b’iktar mid-doppju fl-aħħar erba’ snin.

Il-President tal-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport Duncan Micallef qal li għaddej it-taħriġ għall-Kampjonat Nazzjonali tal-Karting, li hu l-ewwel kampjonat li qed jiġi organizzat b’mod konġunt bejn Karting Club Malta, Island Karting Club u l-Federazzjoni Maltija għall-Motorsport.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA