Futbol internazzjonali
Il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kosovo tkeċċi lill-kowċ tat-tim nazzjonali

Il-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kosovo tterminat il-kuntratt tal-kowċ Bernard Challandes wara t-telfa kontra l-Georgia nhar it-Tlieta li għadda f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Fi Pristina, il-Kosovo tilef 2-1.

Fl-ewwel kummenti lill-midja wara t-tkeċċija tiegħu, Challandes qal li jinsab imdejjaq li kellu jasal sa dan il-punt, imma sodisfatt bix-xogħol li sar fl-iżvilupp tal-isport fil-Kosovo. Challandes qal li t-tim nazzjonali tal-Kosovo ser jibqa’ f’qalbu, u sostna li l-plejers fit-tim huma validi ħafna u li hemm bżonn li kulħadd ikollu ftit paċenzja ma’ dan is-sett ta’ plejers.

Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol tal-Kosovo, Agim Ademi, irringrazzja lil Challandes għall-kontribuzzjoni tiegħu u semma’ kif aktar m’għadda ż-żmien il-kowċ ma kienx qed jilħaq it-tragwardi tal-Federazzjoni.

Skont Ademi, fil-jiem li ġejjin il-Federazzjoni ser tkun qed tħabbar min ser jieħu post Challandes li kien ilu fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-Kosovo minn Marzu 2018. Challandes, li għandu 70 sena, kien it-tieni kowċ tal-Kosovo, tim li beda jilgħab fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA u l-FIFA mill-2016.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA