Futbol internazzjonali
Il-FIFA mistennija tapprova l-proposta tal-leave tal-maternità

Il-FIFA mistennija tintroduċi regolamenti ġodda sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-plejers nisa, fosthom leave ta’ maternità mandatorju. Il-FIFA Football Stakeholders Committee (FSC) ressaq dawn il-proposti quddiem il-Federazzjoni Internazzjonali li mistennija jkunu approvati fil-Kunsill tal-FIFA x-xahar id-dieħel.

Filwaqt li ħafna plejers li jilagħbu fl-Ewropa huma diġà protetti bil-liġi tax-xogħol f’pajjiżhom, il-FIFA qed timmira li jkun hemm standards minimi madwar il-globu għall-plejers femminili, u dan fid-dawl li qegħdin jiġu ffurmati diversi klabbs u leagues ġodda f’kontinenti differenti.

Fir-regolamenti l-ġodda li mistennija jkunu approvati f’Diċembru li ġej, l-FSC qed tipproponi li l-leave tal-maternità jkun t’14-il ġimgħa, u dan sabiex l-ebda plejer ma tkun żvantaġġjata għax tinqabad tqila. Ir-regolamenti jgħidu wkoll li ġaladarba l-plejer tidħol lura mil-leave ta’ maternità, il-klabb irid jirrintegra lill-persuna u jipprovdi s-sapport mediku u fiżiku adekwat.

Dawn il-proposti l-ġodda qed jitressqu minħabba li l-FIFA rċeviet diversi lmenti minn madwar id-dinja li l-plejers femminili mhux qed ikuu trattati tajjeb, u għalkemm qiegħed ikollhom kuntratt iffirmat mat-tim li jilagħbu miegħu, dan qed jisfaxxa fix-xejn jekk kemm-il darba jkun ser ikollhom tarbija. Barra l-proposta tal-leave tal-maternità, hemm ukoll proposti sabiex jiġu indirizzati problemi li qed jaffaċċjaw il-kowċis, b’mod speċjali dawk li jinsabu f’kontinent differenti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA