Futbol lokali
Il-Fondazzjoni Richmond u l-MFA jirċievu unur mingħand il-Fondazzjoni tat-Tfal tal-UEFA

Il-Fondazzjoni tat-Tfal tal-UEFA għażlet lill-Fondazzjoni Richmond għall-unur flimkien m’organizzazzjonijiet oħra f’19-il pajjiż Ewropew.

Il-Fondazzjoni Richmond kienet innominata mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol għal dan l-unur, u issa ż-żewġ entitajiet ser jaħdmu biex jimplimentaw programm ta’ 12-il xahar bl-isem “Being There.” Dan il-programm ser isir sabiex jippromwovu l-inklużjoni u l-benesseri mentali tat-tfal permezz tal-isport.

Il-programm ser jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ membri tat-tim nazzjonali Malti, flimkien ma’ personalitajiet sportivi sabiex il-promozżjoni tal-inklużjoni tilħaq firxa aktar wiesgħa ta’ nies.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephania Dimech qalet li qatt daqs dan iż-żmien m’huwa importanti li l-benesseri mentali tat-tfal ikunu mħarsa, l-aktar għal dawk li jbatu biex jintegraw mal-oħrajn.

Il-President tal-UEFA Aleksander Čeferin qal li s-sena li għaddiet kienet waħda diffiċli, biss l-Għaqdiet Non-Governattivi qamu għall-okkażjoni biex jgħinu lit-tfal fil-bżonn.

Skont is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Dr Angelo Chetcuti, dan l-unur huwa importanti għaliex joħroġ biċ-ċar kif anke l-UEFA qed tirrikonoxxi dak li qed tagħmel l-Assoċjazzjoni permezz tal-proġetti tagħha. Din kienet it-tieni darba li l-MFA kisbet suċċess permezz tan-nomina tagħha t’organizzazzjoni lokali.

Il-proġetti taħt Ir-Responsabbilità Soċjali bil-Futbol, ħallew impatt qawwi fost il-komunitajiet lokali fl-aħħar snin. Dawn il-proġetti kienu dwar l-integrazzjoni soċjali, kwistjonijiet ambjentali, ugwaljanza tal-ġeneru, u kampanji t’għarfien fuq skala nazzjonali bil-kollaborazzjoni ta’ numru t’aġenziji, istituzzjonijiet, għaqdiet non-governattivi, fondazzjonijiet, entitatjiet edukattivi u l-klabbs tal-futbol lokali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA