Il-funeral ta’ Twanny Bugeja s-Sibt fis-2.30pm fir-Rabat

Miet il-korrispondent tat-tiġrijiet taż-żwiemel Twanny Bugeja.

Huwa kien wiċċ familjari mad-dilettanti taż-żwiemel f’pajjiżna peress li għal dawn l-aħħar 35 sena ta l-kontribut tiegħu għall-isport tat-tlielaq biż-żwiemel.

Minkejja d-diffikultajiet li għadda minnhom, sa ftit tal-ġimgħat ilu, kien għadu l-kummentatur tal-korsa.

Twanny Bugeja kellu sittin sena, u kien ukoll ex-Kunsillier tal-Imtarfa.

Il-funeral ta’ Twanny Bugeja se jsir nhar is-Sibt li ġej fil-knisja ta’ San Pawl fir-Rabat fis-2.30pm ta’ wara nofsinhar.

Malta Racing Club

Fi stqarrija, l-Kunsill tal-Malta Racing Club qal li Twanny kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Generali tal-assoċjazzjoni, fejn sal-aħħar ftit jiem ta’ ħajtu baqa jagħti l-kontribut tiegħu.

Segretarjat għaż-żgħażagħ u sport

Min-naħa tiegħu, s-segretarju parlamentari għaż-żgħażagħ u sport Chris Agius qal li l-kamp sportiv, speċjalment dak relatat mat-tiġrijiet taż-żwiemel tilef kontributur kbir.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Aġius, flimkien mal-bord tad-diretturi u l-impjegati kemm tas-Segretarjat Parlamentari u anke tal-Kunsill Malti għall-Isport, iwasslu l-kondoljanzi tagħhom għat-telfa ta’ Twanny Buġeja.

GĦ.Ġ.S

Anke l-Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports jinsab maħsud bit-telfa tal-ġurnalist u korrispondent veteran sportiv Twanny Bugeja.

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tilfet ġurnalist sportiv veteran ieħor, li għal snin twal se jibqa’ mfakkar fost id-dilettanti tal-Isport.

Partiti Politiċi

Permezz ta’ stqarrija l-Partit Laburista xtaq isellem il-memorja tal-Kunsillier tal-Partit Laburista fl-Imtarfa, Twanny Bugeja.

Twanny Bugeja, ma kienx biss attiv fi ħdan il-Partit Laburista u l-komunità tal-Imtarfa, iżda kien ukoll attiv fix-xandir, partikolarment fuq l-isport tat-tiġrijiet taż-żwiemel, sport li kien għal qalbu ħafna.

U l-Partit Nazzjonalista ukoll sellem lil Twanny Bugeja li ħalla din id-dinja aktar kmieni llum.

Fl-istqarrija l-PN qal li Twanny Bugeja kien persuna li dejjem ta kontribut fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv f’pajjiżna.

Miktub minn...
Rodney Vassallo