Futbol internazzjonali
Il-futbol fiċ-Ċilì ser jirritorna fid-29 t’Awwissu

Il-kampjonat tal-futbol fiċ-Ċilì ser jirritorna fid-29 t’Awwissu wara li ilu wieqaf minn Marzu li għadda. Skont il-President Ċilen Sebastien Pinera, il-logħob ser jintlagħab fi stadiums vojta u b’miżuri stretti sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tixrid tal-Covid-19.

Ftit tal-ġimgħat ilu t-timijiet ingħataw permess speċjali sabiex jibdew it-taħriġ in vista li jitkomplew il-kampjonat domestiċi. Fl-Istadium Nazzjonali ta’ Santiago, il-President ħabbar li l-pajjiż irid ikun kawt ħafna dwar ir-ritorn tal-futbol, minħabba li ċ-Ċileni huma appassjonati għall-aħħar fuq dan l-isport, u għaldaqstant iridu jkunu żguri li l-logħob ma jwassalx biex ikun hemm aktar tixrid tal-virus.

Fil-fatt, il-logħbiet mhux ser jibdew kollha f’daqqa imma ser ikun hemm stadji differenti, sabiex il-pajjiż jibda jidra bil-mod in-‘normalità l-ġdida.’ S’issa fiċ-Ċilì kienu rrappurtati aktar minn 390,000 każ ta’ Covid-19 filwaqt li mietu ftit aktar minn 10,500 persuna.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA