Futbol lokali
Il-futbol se jirritorna? L-aħħar sigħat ta’ stennija; id-deċiżjoni finali ta’ għada f’idejn 20 persuna

L-aħħar sigħat ta’ stennija jekk il-futbol Malti hux se jitkompla jew le komplew itellgħu tensjonijiet differenti fost il-partitarji tal-klabbs Maltin.

Id-deċiżjoni finali se tkun qed tittieħed għada wara nofsinhar minn 20 persuna li jiffurmaw l-Eżekuttiv tal-MFA u li se jinġabru madwar mejda u jiddeċiedu għal pajjiż sħiħ.

L-20 persuna huma, l-14 li ġew eletti fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA li jirrapreżentaw lid-diviżjonijiet diversi u l-Assoċjazzjonijiet iż-żgħar, u s-sitt uffiċjali membri tal-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni.

Kollox qed jindika li l-Malta Football Association qiegħda tistenna x’se tkun id-deċiżjoni tal-Gvern Malti dwar ir-rilaxx ta’ miżuri oħra li se jkunu mħabbra fis-sigħat li ġejjin biex għada tkun tista’ tasal għad-deċiżjoni mistennija minn ħafna dwar jekk il-Kampjonat BOV Premier u l-FA Trophy hux se jirritornaw f’Lulju biex ikunu konklużi kif oriġinarjament kien ippjanat.

Sorsi ta’ TVMSport jikkonfermaw li l-Ħamis li għadda saru laqgħat bejn uffiċjali ta’ SportMalta u l-Awtoritajiet tas-Saħħa u bejn l-uffiċjali tal-MFA u l-istess awtoritajiet.

Dawn il-laqgħat saru wara li SportMalta intalbet biex tagħmel preżentazzjoni tad-dixxiplini sportivi kollha fil-pajjiż u tikklassifikhom skont dak li hu sport individwali jew sport ta’ tim u saħansitra tanalizza dak li hu l-kuntatt bejn l-atleti meta d-dixxiplini sportivi jkunu  pprattikati.

Il-futbol, bħala sport ta’ tim, joffri kuntatt kontinwu bejn il-plejers u għalhekk jista’ ma jkunx ikkunsidrat bħala dak li se jkun irrilaxxat minn tal-bidu fil-miżuri li se jkunu mħabbra.

TVMSport jinsab infurmat li kien propju għalhekk li l-MFA issejjħet biex tiddiskuti l-protokoll mediku mal-awtoritajiet u dan biex Dr Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa, tkun tista’ tevalwa jekk dak ippreżentat hux biżejjed.

Kemm l-Awtoritajiet u anki l-MFA għamluha ċara kemm-il darba li jekk il-futbol jitkompla ma jistax ikun hemm riskji għal dawk li jipparteċipaw u li dawk li jipparteċipaw ma joħolqux riskji akbar fuq il-popolazzjoni.

Fl-aħħar jiem, l-MFA poġġiet fuq il-mejda protokoll mediku fl-istess livell ta’ pajjiżi oħra barranin, iżda wieħed irid jara jekk dan hux kapaċi jkun implimentat mhux biss fil-futbol iżda f’kull sport ta’ tim bħall-waterpolo, li wkoll qed jistennew biex jiddeterminaw jekk dan l-isport popolari fix-xhur tas-sajf hux se jkun jista’ jsir.

TVMSport infurmat li apparti l-implimentazzjoni tal-protokoll mediku, diversi fatturi oħra jagħmluha diffiċli fil-każ speċifiku ta’ pajjiżna, fosthom li l-kampjonat mhux professjonali u li numru kbir ta’ plejers, kowċis u impjegati oħra tal-klabbs huma part-timers u jagħmlu xogħol ieħor.

Din il-ħaġa qed tkun ikkunsidrata sew mill-Awtoritajiet minħabba li dawn il-persuni kollha għandhom kuntatt ma’ persuni oħra u huma aktar esposti għall-virus, l-aktar meta wara nofsinhar u filgħaxija jmorru jipprattikaw il-futbol.

Kulħadd jinsab fuq ix-xwiek għal għada filgħaxija meta l-MFA se tkun qed tħabbar jekk il-futbol f’Malta hux se jitkompla jew le.

Fl-aħħar sigħat l-istennija bdiet tikber u fost il-partitarji tal-futbol hawn opinjonijiet differenti bejn min irid ikompli biex il-verdetti jingħataw fil-pitch u min qed ipoġġi s-saħħa pubblika l-ewwel u jaċċetta li l-futbol staġun 2019/20 huwa terminat.

Deċiżjoni oħra kruċjali li trid tittieħed ukoll fil-jiem li ġejjin hi jekk hux se jingħataw il-verdetti skont il-klassifika sal-20 ġurnata meta waqaf il-futbol. L-aktar verdett mistenni hu dak jekk Floriana FC hux se jingħataw it-titlu jew le. Dawn id-deċiżjonijiet se jkollhom jittieħdu fl-ogħla istituzzjoni tal-futbol Malti, il-Kunsill tal-MFA.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA li se jieħu d-deċiżjoni finali ta’ għada jikkonsisti f’żewġ rappreżentanti tal-klabbs minn kull diviżjoni u oħrajn mill-assoċjazzjonijiet membri, flimkien mal-amministrazzjoni tal-MFA.

Fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali li eleġġiet lil Bjorn Vassallo fil-kariga ta’ President, kienu ġew eletti Dr Ian Micallef ta’ Gżira United FC u Paul Spiteri ta’ Valletta FC, f’isem il-klabbs tal-Premier.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

L-ex plejer nazzjonali Noel Turner inħatar Direttur Tekniku tal-Youths ta’ Sliema Wanderers FC. Turner hu ex plejer u captain ta’ Sliema Wanderers FC li magħhom rebaħ kull unur possibbli fil-futbol…

Futbol lokali

Illejla l-MFA u l-President Bjorn Vassallo taw l-ewwel reazzjoni tagħhom wara l-Kunsill tat-Tnejn li għadda fejn fih ittieħdu l-voti dwar l-eżitiċi finali tal-klassifiċi. F’konferenza stampa ta’ aktar minn siegħa li…

Futbol lokali

Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta Football Association, se jkun qed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet, illum fus-19.00. Il-konferenza se tixxandar diretta fuq TVM2. Il-President tal-MFA se jkun qed jitkellem għall-ewwel darba minn wara…

Futbol lokali

Il-Kumitat tal-Club tal-Football ta’ Qrendi illum għamilha ċara u ċaħad xnigħat li qed jidhru fil-midja soċjali, li  mhuwiex minnu li ma riedx ikun promoss fil-Kampjonat Premier. Fi stqarraija l-Club qal…

Aktar