Formula 1
Il-ġimgħa d-dieħla ser jitnieda d-dokumentarju dwar il-ħajja u l-karriera ta’ Michael Schumacher

Il-ġimgħa d-dieħla fuq Netflix ser jibda jintwera dokumentarju dwar il-ħajja tal-leġġenda tal-Formula 1 Michael Schumacher. Id-dokumentarju, li huwa approvat mill-familja Schumacher, jitratta l-ħajja tas-seba’ darbiet champion tal-Formula 1.

Michael Schumacher għamel id-debutt tiegħu fil-Formula 1 fuq iċ-ċirkwit ta’ Spa fl-1991, fi żmien fejn ftit kien għadu magħruf ‘il barra miċ-ċrieki tal-motorsport. Fi kliem missieru stess, Rolf Schumacher, “dak il-lejl qagħdna bilqiegħda fil-pjazza u kilna pizza, ħadd ma ġie ħdejna. Dik kienet l-aħħar darba fejn ma dejjaqna ħadd.”

Tletin sena wara nħadem dokumentarju fuq il-leġġenda ta’ kull żmien, li xegħel il-Formula 1 bis-sewqan tiegħu, li għaġġeb lil bosta bir-rebħ tal-unuri. Id-dokumentarju jfittex li jesplora lill-bniedem, il-karriera tiegħu, u dak kollu li seħħ madwaru u li sawru f’wieħed mill-aqwa sewwieqa.

Matul il-karriera tiegħu, Michael Schumacher dejjem irnexxielu jtella’ ħajt bejn il-ħajja privata u t-tlielaq tal-Formula 1. Fil-fatt, ħafna ma kenux jafu dwar l-istil ta’ ħajja ta’ Schumacher, x’kien iħobb, x’esperjenzi kien jgħaddi minnhom ‘il barra miċ-ċirkwiti. Biss f’dan id-dokumentarju l-affarijiet huma ftit differenti, għaliex jidħol fil-fond fil-ħajja tal-Ġermaniż, minn meta beda jtellaq fil-karting sakemm laħaq il-quċċata tas-suċċess mal-Ferrari.

Id-dokumentarju jdur m’intervisti esklussivi ma’ membri tal-familja Schumacher, kif ukoll filmati li qatt ma dehru fil-pubbliku qabel. Dawn huma mħallta m’intervisti ta’ ħbieb u rivali tas-sewwieq, li jitkellmu b’mod favorevoli dwar ħajtu u l-karriera tiegħu, kif ukoll jingħaddu kummenti kritiċi dwar Schumacher innifsu.

Fid-dokumentarju, il-mara tiegħu Corinna titkellem dwar kif qed jirnexxielha żżomm lil żewġha komdu u kuntent wara dak l-inċident fuq il-muntanja li minħabba fih sofra ġrieħi gravi f’rasu. Id-dokumentarju ma juriex filmati riċenti tal-ex sewwieq Ġermaniż, imma jidhru diversi filmati oħra ta’ meta kien ikun vaganza mal-familja, ‘il bogħod minn għajnejn in-nies. Corinna titkellem dwar l-ewwel snin tiegħu mal-Benetton, imbagħad kif irnexxielu jibda jirbaħ tellieqa wara l-oħra mal-Ferrari.

Fis-snin tiegħu mal-Benetton, Michael Schumacher ma kellux l-istess stress li kellu mal-Ferrari. Minn meta ngħaqad mal-Iscuderia t-tir minn dejjem kien li t-tim Taljan jerġa’ jirbaħ l-unuri. Is-sena 1997 kienet l-agħar waħda fil-karriera tiegħu. L-inċident ta’ Jerez matul dik is-sena jibqa’ jissemma’, meta Schumacher apposta baqa’ dieħel f’Jacques Villeneuve biex ma jħallihx jaqbżu.

Wara dak l-episodju pjuttost mudlam għal Schumacher, mar mal-familja għal vaganza n-Norveġja, u wasal lura għal staġun ieħor ittrasformat, pjuttost ossessjonat bid-dettalji, li iżda għenu lill-Ferrari jirritornaw għas-suċċess. Sar ossessjonat bil-livell fiżiku tiegħu, u saħansitra Corinna tgħid li kien qed jippjana l-ġurnata minuta b’minuta, anke l-ħin li jorqdu u kif. Saħansitra tgħid li kien hemm drabi fejn baqgħet bilqiegħda fil-kamra tal-banju biex ma ttellfux mill-irqad.

Fost il-persuni intervistati f’dan id-dokumentarju hemm Flavio Briatore u Jean Todt, flimkien ma’ Sabine Kehm, Bernie Ecclestone, Eddie Irvine, Mika Hakkinen, David Coulthard u Sebastien Vettel.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA