
KAMPJONAT BOV PREMIER 2015/16
Sliema W…………..6
St Andrews……….1
RAPPORT CHRIS FALZON
Sena ġdida imma l-problemi għal St Andrews baqgħu dawk li kienu matul is-sena l-oħra, l-ebda punt minn sbatax-il logħba fil-Kampjonat Premier. Sliema ħadu t-tieni rebħa infila u issa ilhom erba’ logħbiet mingħajr telfa, b’riżultat tennistiku ta’ 6-1.
L-ewwel logħba għal dawn iż-żewġ timijiet wara l-waqfa għall-festi, bi Sliema spiċċaw is-sena fuq nota pożittiva b’rebħa ta’ 6-3 fuq Qormi, imma St Andrews tilfu s-sittax-il telfa fil-kampjonat, 5-0 kontra Floriana. Fl-ewwel round Sliema kienu rebħu lil St Andrews bl-iskor ta’ 1-0.
Il-kowċ Stephen Azzopardi għamel żewġ bidliet mill-aħħar logħba, fejn beda b’Mark Scerri u Stefano Bianciardi minflok Benjamin Essel u Marko Potezica. Fuq in-naħa l-oħra l-kowċ Jose Borg tas-Saints għamel xejn inqas minn ħames bidliet u ta d-debutt lil Josh Parry u Sorin Oproiescu, filwaqt li Jordan William, Matteo Desira Buttigieg u Clyde Cumbo rritornaw mal-ewwel ħdax.
Żewġ minuti u Sliema fil-vantaġġ. Kien il-pass ta’ Friggieri lejn Michael Mifsud li għeleb in-nasba tal-offside u minn quddiem Bugeja tefa’ fix-xibka għal 1-0. Fid-9 minuta St Andrews kienu perikolużi meta Nwoko daħal quddiem Aquilina bil-goaler Slimiż jtajjar il-periklu momentarjament, għaliex ftit sekondi wara mill-istess azzjoni l-ballun wasal f’saqajn Parry li minn qagħda ideali tefa’ barra. Ħmistax-il minuta u Sliema rdoppjaw permezz ta’ Michael Mifsud meta rċieva pass tajjeb mingħand Bezzina, għeleb difensur fuq il-ġirja u spara fix-xibka għal 2-0. Fis-37 minuta Friggieri u Michael Mifsud reġgħu kienu brillanti bejniethom meta l-pass tal-ewwel qata’ lid-difiża tas-Saints, Mifsud b’ġirja tajba dar mal-goaler u għamilhom 3-0. Fit-42 minuta l-miżerja għas-Saints kompliet tikber meta Nkene waqqa’ lil Friggieri fil-kaxxa, ir-referee Sandro Spiteri pponta lejn il-11-il metru u Michael Mifsud ra l-ewwel tentattiv tiegħu jiġi milqugħ imma l-assitent Jurgen Spiteri xejjer il-bandiera għax il-goaler deher jiċċaqlaq minn fuq il-linja. Mat-tieni tentattiv Michael Mifsud tefa’ fix-xibka u għamilhom 4-0.
Il-pressjoni ta’ Sliema baqgħet għaddejjha fit-tieni taqsima u fit-52 minuta għamluhom ħamsa. Kien il-corner ta’ Muir li għal ftit ma ħasadx lil Bugeja, imma l-ballun wasal f’saqajn Stefano Bianciardi li b’xutt b’saħħtu heżżeż il-mimduda bil-ballun jinbeżaq għal ġewwa. St Andrews skurjaw il-goal ta’ konsolazzjoni fis-77 minuta meta Camilleri tefa’ cross, Johnson bir-ras waqqa’ fuq saqajn Joseph Farrugia li fuq id-dawra tefa’ fix-xibka għal 5-1. Sitta għal Sliema fit-88 minuta meta Ledesma għadda ballun preċiż lejn Kyle Hendry li waħdu fil-kaxxa minn pożizzjoni angolati għeleb lill-goaler u għamilhom.
Riżultat finali: Sliema W. 6 St Andrews 1 .
Referee: Sandro Spiteri
BOV Player tal-Logħba: Michael Mifsud ta’ Sliema W.
KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Birkirkara……….1 Gżira Utd………..2 F’partita fejn rajna lil Birkirkara aħjar fl-ewwel taqsima, bi Gżira U jieħdu f’idejhom it-tieni taqsima, l-Maroons jegħlbu lil Birkirkara 2-1. Maroons li b’din…
Wara l-logħba bejn Tarxien Rainbows u Sliema Wds TVM Sport irċieva din l-istqarrija min naħa tal-Club tar-Rainbows fejn tgħid li ċertu deċiżjonijiet li ttieħdu fil-logħba mir-referee ħallew effett fuq ir-riżultat…
KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Mosta……………0 Ħamrun ……….0 Ħamrun u Mosta temmew il-konfront tagħhom fi dro ta’ 0-0, riżultat li ftit ikkuntenta liż-żewġ timijiet. L-ewwel azzjoni tal-logħba seħħet wara 23 minuta…
KAMPJONAT BOV PREMIER 2018/19 Balzan …….1 Pieta’ ……..0 Balzan kisbu rebħa drammatika ta’ 1-0 kontra t-tim promoss ta’ Pieta’ Hotspurs sabiex kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-kampjonat. Kienu Balzan li fetħu…