Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Gran Brittanja, il-Brażil u l-Iżvezja jibdew b’rebħa fil-futbol tan-nisa

Futbol tan-Nisa

Gran Brittanja  2-0  Ċilì

Il-Gran Brittanja bdiet l-esperjenza fl-Olimpjadi ta’ Tokjo b’rebħa fuq iċ-Ċilì minn Grupp E bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls tal-konfront waslu wieħed f’kull taqsima minn White, li fetħet l-iskor fis-17-il minuta mbagħad irduppjat fit-72 minuta.

L-istess plejer kienet tgħaqqad il-hat-trick kieku l-gowl li skurjat fil-11-il minuta ma tħassarx mill-VAR minħabba pożizzjoni t’offside.

 

Ċina  0-5  Brażil

Rebħa kbira għall-Brażil fl-ewwel logħba minn Grupp F hekk kif skurjaw ħamsa kontra ċ-Ċina mingħajr risposta. Marta fetħet l-iskor fid-9 minuta, b’Debinha tagħmilhom 2-0 fit-22 minuta. Fit-tieni taqsima Marta skorjat doppjetta personali fl-74 minuta u Andressa mill-11-il metru skorjat ir-raba’ fit-82 minuta. Beatriz għalqet il-logħba fid-89 minuta bil-ħames gowl għall-Brażil.

 

Żvezja  3-0  Stati Uniti

Xokk għall-Istati Uniti hekk kif bdew l-impenji tagħhom fl-Olimpjadi b’telfa fi Grupp G. L-Amerikani ħarġu telliefa 3-0 kontra l-Iżvediżi. Blackstenius kienet providenzjali għal pajjiżha meta skorjat doppjetta, l-ewwel fil-25 imbagħad fil-55 minuta. Hurtig żiedet ieħor fit-72 minuta biex ikkonsolidat ir-riżultat finali ta’ 3-0. Din kienet l-ewwel telfa għall-Amerikani wara 44 logħba b’rebħ kontinwu.

 

Aktar tard illum jintlagħbu dawn il-logħbiet:

12:30  Ġappun – Kanada

13:00  Żambja – Olanda

13:30  Awstralja – New Zealand

(il-ħinijiet huma ta’ Malta)

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA