Olimpijadi TOKYO 2020
Il-Gran Brittanja tirbaħ id-deheb għall-ewwel darba fil-4x200m tal-għawm, bl-Olanda u ċ-Ċina jirbħu fil-qdif ta’ b’erbgħa

It-tim tal-Basketball Amerikan tal-Irġiel għadu biċ-ċans li jirbaħ il-midalja tad-deheb għar-raba’ edizzjoni konsekuttiva hekk kif ħa rebħa kbira fuq l-Iran. Din ir-rebħa kienet bżonnjuża wara d-daqqa ta’ ħarta fit-telfa kontra Franza. L-Amerikani ħarġu rebbieħa fuq l-Iranjani 120-66.

 

L-għawwiema tal-Gran Brittanja raw il-ħolma tagħhom issir realtà hekk kif intrebħet l-ewwel midalja tad-deheb fil-4x200m freestyle. Din kienet l-aħjar wirja fil-poll għal aktar minn seklu għat-tim tal-Gran Brittanja. B’hekk Tom Dean rebaħ it-tieni midalja tad-deheb, wara li t-Tlieta rebaħ il-200m individwali. L-għawwiema l-oħra tar-relay kienu James Guy, Matthew Richards u Duncan Scott.

 

L-Amerikana Katie Ledecky rebħet id-deheb fl-1,500m freestyle, u b’hekk rebħet is-sitt midalja tagħha f’xi edizzjoni tal-Olimpjadi. Suċċess ukoll għall-Ġappuniża Yui Ohashi li rebħet il-200m medley individwali, li wara li kisbet il-midalja tad-deheb qalet li dan kien kollu frott ta’ perseveranza meta kien hemm mumenti f’ħajjitha meta ġġieldet mad-dipressjoni u xtaqet tieqaf mill-għawm. Ohashi rebħet ukoll l-400m medley il-Ħadd li għadda.

 

Fiċ-ċikliżmu, Annemiek van Vleuten ma ħalliet l-ebda ċans lill-avversarji meta rebħet it-time trial u eventwalment rebħet id-deheb. Din hija l-aħħar edizzjoni tal-Olimpjadi li ċ-ċiklista ta’ 38 sena ser tkun qed tieħu sehem. Fuq distanza ta’ 22 kilometru, hija kellhom 56 sekonda vantaġġ fuq l-Iżvizzera Marlen Reusser li spiċċat it-tieni. Il-bronż intrebħet minn Anna van der Breggen.

 

Fil-qdif ta’ b’erbgħa, l-Olanda u ċ-Ċina għamlu ħinijiet sorprendenti biex rebħu l-kategoriji tan-irġiel u tan-nisa rispettivament. It-tlielaq saru fis-Sea Forest Waterway ta’ Tokjo, bin-nisa Ċiniżi jtemmu f’6 minuti, 5.13 sekondi, aktar minn 6 sekondi quddiem il-Pollakki u l-Awstraljani li spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

Fil-kategorija tal-irġiel, apparti li l-Olandiżi rebħu d-deheb f’ħames minuta 32.03 sekondi, huma spiċċaw quddiem il-Brittaniċi u l-Awstraljani.

 

Fir-Rugby Sevens, New Zealand ħarġu rebbieħa fuq il-Gran Brittanja 29-7, biex issa jilagħbu fil-finali kontra Fiji għall-midalja tad-deheb. Min-naħa tagħhom, Fiji waslu sal-finali wara rebħa fuq l-Arġentina 26-14, filwaqt li l-Gran Brittanja u l-Arġentini ser jiġġieldu għall-midalja tal-bronż.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA