Formula 1
Il-Grand Prix taċ-Ċina mhux inkluż fil-kalendarju tal-F1 2022

Ftit sigħat qabel ikun ippubblikat il-kalendarju 2022 tal-Formula 1, sar magħruf li għat-tielet sena konsekuttiva mhux ser issir it-tellieqa f’Shanghai, iċ-Ċina.

Sorsi differenti qed jgħidu li l-Grand Prix taċ-Ċina ma kienx inkluż fl-iskeda preliminari li ntbagħet lit-timijiet nhar l-Erbgħa li għadda.

Għalkemm it-tmexxija tal-Formula 1 tqis liċ-Ċina bħalha suq importanti fl-isport, il-pandemija tal-Covid-19 qed tħalli l-effett tagħha. Il-problema maġġuri hi r-restrizzjonijiet marbuta mal-ivvjaġġar lejn u ‘l barra miċ-Ċina. U filwaqt li ċ-Ċina mistennija tospita l-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isiru f’Beijing fi Frar li ġej, ħassret il-kompetizzjonijiet maġġuri l-oħra sabiex il-pajjiż iqum fuq saqajh bid-daqqa li qed jaqla’ kontinwament minħabba l-pandemija.

Sorsi fiċ-Ċina qed jgħidu li anke biex isiru l-Olimpjadi tax-Xitwa hemm diffikultajiet kbar. Il-biljetti ser jinbiegħu biss lil nies li jgħixu ċ-Ċina, u atleti li ser jaslu fil-pajjiż u ma jkunux imlaqqma, iridu jagħmlu 21 ġurnata kwaratina qabel ikunu jistgħu jitħarrġu jew jikkompetu.

Jidher li l-Grand Prix t’Imola fl-Italja u l-Grand Prix ta’ Miami fl-Istati Uniti huma inklużi fil-kalendarju tas-sena d-dieħla.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Formula 1 Stefano Domenicali qal li l-istaġun 2022 ser isir bejn nofs Marzu u nofs Novembru, u dan sabiex il-Formula 1 ma tinterferriex mat-Tazza tad-Dinja tal-Futbol li ser issir fil-Qatar bejn Novembru u Diċembru 2022.

F’laqgħa f’Londra nhar l-Erbgħa li għadda, it-timijiet approva il-kalendarju, li issa mistenni jkun approvat illum fil-Kunsill Dinji tal-Motor Sport.

Skont l-FIA, kien hemm ħafna kummenti pożittivi dwar l-iSprints li seħħew dan l-istaġun f’Silverstone u Monza. Fadal l-aħħar sprint għal din is-sena li ser issir waqt il-Grand Prix tal-Brażil. Soris qed jgħidu li l-isprints jistgħu jirduppjaw fil-kalendarju tal-2022.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA